Il-Kummissjoni Ewropea nediet il-proġett ‘Insaħħu l-kooperazzjoni u nieħdu azzjoni fil-qasam tal-klima fil-gżejjer tal-UE’ biex tassisti l-gżejjer tal-UE joħolqu sorsi ta’ enerġija nadifa u favur l-ambjent. Il-proġett kien propost minn Alfred Sant, MEP u ex-Prim Ministru u MEP Kroat Tonino Picula, ex-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kroazja. Sant u Picula fl-aħħar xhur ħadmu fuq l-implimentazzjoni tal-proġett għal arja nadifa fil-gżejjer tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea iffinanzjat €10 miljuni biex issaħħaħ il-proġett wara li kienet diġa` approvat €2 miljuni oħra għall-istess proġett.
Tonino Picula jirrappreżenta għadd ta’ gżejjer Kroati filwaqt li Dr Sant talab kemm-il darba lil KE tipprovdi fondi għal ħolqien ta’ enerġija nadifa fil-gżejjer tal-UE, inkluż Malta u Għawdex.
‘Is-Segretarjat għal Inizjattivi tal-Gżejjer’ mistenni jassisti lil gżejjer tal-UE waqt il-pjanijiet għad-dikarbonizzazzjoni, u se jservi ta’ gwida fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet. Se jkun qed jorganizza wkoll il-forum annwali tal-Inizjattivi tal-Gżejjer fl-2018 u 2019 biex ilaqqa’ flimkien lil partijiet interessati.
Dr Sant qal li fl-Ewropa hemm diġa` bażi tajba meħuda mill-esperjenza tal-gżejjer li għamlu progress tajjeb biex jiżviluppaw u jiġġeneraw lokalment arja nadifa bi spiża raġjonevoli. Dan diġa` joħloq ambitu għal aktar espansjoni u żvilupp fil-produzzjoni tal-enerġija nadifa lejn ħafna mis-sistemi tal-gżejjer Ewropej.
Alfred Sant esprima s-sodisfazzjon li l-Kummissjoni Ewropea tat widen lit-tħassib tiegħu u kkumpensat għall-effetti ta’ insularita` li jesperjenzaw iċ-ċittadini tal-gżejjer Ewropej.
Il-Kummissjoni se tidentifika 20 gżira bħala ‘case-studies’ li jaħdmu ma’ gżejjer individwali differenti.