Għaddej ġmielu x-xogħol fuq Ġnien Duminku Mintoff – li b’investiment ta’ seba’ mitt elf ewro, mistenni jagħti nifs ġdid lil-lokalità ta’ Raħal Ġdid.
Dan fl-istess waqt li jservi bħala rimedju għall-għarar fl-istess żona – fejn l-ilma tax-xita mistenni jmur f’ġibjun mibni apposta li jesa’ mal-mitejn u ħamsin elf litru.
Il-ġnien – li ilu mibni erbgħin sena, qed isirlu xogħol ta’ tisbieħ li jinkludi bankijiet u fanali ġodda.
Fost l-attrazzjonijiet ewlenin se jkun hemm pond bl-ilma naturali u ġonna b’xita ta’ fjuri kkuluriti.
Bil-għan li jindirizza nuqqasijiet tal-passat, Ġnien Duminku Mintoff se jkun mgħammar b’dawl adekwat biex jonqsu l-abbużi li kien qed ikun hemm bil-lejl.
Dan il-ġnien jaħseb ukoll għal żona rikreattiva għaċ-ċkejknin; fejn minbarra numru ta’ tagħmir kreattiv, se jkun hemm ukoll karatteristika interattiva bl-ilma għat-tfal.
Il-Ministru Konrad Mizzi li huwa responsabbli mill-proġett stqarr li dan huwa proġett bzonnjuż għal Raħal Ġdid, kif ukoll għar-reġenerazzjoni tan-naha t’isfel ta’ Malta. Żied jgħid li huwa ta’ sodisfazzjon għalih li grazzi għal dan il-proġett li huwa mħejji u kkumissjonat mill-Ministeru għat-Turiżmu, ser jiġu solvuti bosta sfidi, bħal dik tal-għagħrar, li permezz ta’ ġibjuni ser jilqgħu fihom l-ilma tax-xita, fost faċiltajiet moderni u ġodda li jinkludu żoni ffjuriti li mistennija jaghmlu dan il-gnien ‘state of the art’, b’bosta karatteristici nnovattivi u taghmir rikreattiv biex jitgawda mill-familja kollha