F’attività mtella’ mill-Board tal-Park tal-Inwadar, il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera ppreżenta mijiet ta’ kotba b’temi ambjentali lis-sindki ta’ ħames lokalitajiet – dawk ta’ Marsaskala, il-Marsa, il-Ħamrun, Ħaż-Żabbar u x-Xgħajra, biex dawn jitqiegħdu għas-self fil-libreriji pubbliċi tal-lokalità tagħhom.
Il-Ministru Herrera żar ukoll il-park nazzjonali fejn seta’ josserva x-xogħol li għaddej bħalissa għat-tneħħija ta’ speci aljeni ta’ pjanti li kienu qegħdin ixekklu pjanti nattivi Maltin milli jikbru. Hu mistenni li post il-pjanti aljeni se jittieħed minn siġar u arbuxelli Maltin li għandhom jitħawlu matul ix-Xitwa, bħala parti mill-proċess kontinwu li jtejjeb il-livell ta’ ndukrar fil-Park Nazzjonali tal-Inwadar.
Waqt din l-attività, tfal minn dawn il-ħames lokalitajiet ittieħdu mawra bil-baħar tul ix-xtajta tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar.