Waqt li ninsabu fuq l-għatba tal-mitt anniversarju mill-ġrajja storika tas-Sette Giungio tal-1919, fi pjazza San Ġorġ l-ispeaker tal-kamra tad-deputati, Anġlu Farrugia, appella lid-deputati parlamentari biex ma jabbużawx mill-privileġġ parlamentari.
Huwa stqarr li m’għandux ikun hemm abbuż minn dan il-privileġġ u kulħadd għandu jkun responsabbli għal għemilu. Dr Farrugia qal li ma jistax ikun li sena wara sena jfakkru din il-ġrajja storika u wara kważi mitt sena se nibqgu mingħajr proċedura stabbilita biex min jabbuża, jwieġeb għal għemilu.
Il-Membru Parlamentari huwa rappreżentat tal-poplu u jkun min ikun, u jkun fuq liema naħa tal-Kamra jkun qiegħed, dejjem għandu jerfa’ r-responsabbilta li dak li jgħid, jgħidu b’mod onest u fl-aħjar interess tal-pajjiż.L-ebda Membru m’għandu jabbuża minn dan id-dritt. Għalhekk ngħid li wasal iż-żmien li nirrevedu l-Ordinijiet Permanenti tal-Kamra sabiex jidħol fis-seħħ rimedju għal dak iċ-ċittadin li jħoss li kien hemm abbuż tal-privileġġ parlamentari fil-konfront tiegħu.
Dr Farrugia sejjaħ ukoll għall-bidla fl-Ordnijiet Permanenti fejn stqarr li wasal iż-żmien li dawn jiġu riveduti għax qal li ma jistax ikun li meta jkun hemm skrutinju tal-użu korett ta’ fondi pubbliċi bħalma seħħ fl-iskandlu tax-xiri taż-żejt, il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi jiġi mxekkel u ppreġudikat bi proċeduri fil-qrati u b’sentenzi tal-qorti li ngħataw żmien wara li ntemmet il-leġizlatura li matulha nqala’ l-każ.
Minbarra r-reviżjoni tal-Ordnijiet Permanenti tal-Karmra u tal-linja gwida rispettivi, biex naraw li dawn ikunu jirriflettu dak li jiġi deċiż fl-appell, għandna nħarsu lejn il-possibilita li jsiru emendi fil-Kodiċi dwar l-Organizzazzjoni u Proċeduri Ċivili sabiex xhieda li tingħata quddiem kumitat parlamentari, ma tkunx tista’ titqies bħala evidenza quddiem tribunal jew qorti tal-ġustizzja.
Fil-preżenza fost oħrajn tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u membri miż-żewġ naħat tal-kamra, fi tmiem iċ-ċerimonja ndaqqu l-Last Post u r-Reveille mill-membri tal-pulizija u nżammet minuta silenzju b’rispett għall-vittmi tas-Sette Giugno.
Tpoġġew ukoll kuruni tal-fjuri f’riġlejn il-monument mill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u personalitajiet oħrajn.