Waqt li qed isegwi lill-Prim Ministru f’jum ta’ ħidma, il-preżentatur Chrysander Agius staqsa lill-Prim Ministru liema kienet l-aqwa qabda t’id li kellu matul dawn l-aħħar għaxar snin.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega kif dik il-qabda t’id li qatt m’hu se jinsa hi ta’ omm li kellha każ diffiċli ħafna fit-tqala u ġiet tiltaqa’ miegħu flimkien mar-raġel fiż-Żejtun. Dakinhar ma kienx għarafha hekk kif kien jikkorrispondi magħha, iżda hi urietu lit-tifel tagħha u qaltlu “Dan twieled bis-saħħa tagħkom.”.
Meta mistoqsi xi xtaq isir meta kien żgħir, il-Prim Ministru spjega kif xtaq isir pittur. Agius irrimarka kif qatt ma kien jimmaġina kemm hi impenjata l-ħajja ta’ Prim Minsitru u staqsieh x’jiġri jekk il-Prim Ministru jkun ma jiflaħx, fejn Joseph Muscat irrispondieh li xorta waħda jmur ix-xogħol.
F’parti oħra mill-jum flimkien mal-Prim Minsitru, waqt li kienu deħlin Kastilja, Chrysander staqsa lil Muscat x’ħass l-ewwel darba li tela’ t-taraġ ta’ Kastilja fejn qallu li ħass tferfir. Meta mistoqsi xi jsejħulu l-istaff, hu qal li normalment isejħulu Prim iżda dejjem jiddependi fl-okkażjoni li jkun fiha.