Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li l-proċess li bih ikunu tal-applikanti għall-iskema ta’ Malta ta’ ċittadinanza b’investiment (magħrufa bħala IIP) hija rigoruża ħafna. Dr Sant qal li filwaqt li ħafna stati tal-UE jipprattikaw xi forma ta’ skema simili, dawk li jitkellmu ‘għall-ġid’ u sezzjoni mill-midja internazzjonali jattakkaw biss pajjiżi bħal Malta u Ċipru, li għandhom programmi trasparenti u rreklamati.
Alfred Sant kien qed jitkellem waqt id-dibattitu ‘Valuri Ewropej u t-tixrid tal-korruzzjoni u l-kriminalita` permezz tal-Golden Visas’ fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Dr Sant qal lill-Parlament Ewropew li kien staqsa speċifikament biex jara kif issir l-iskema ta’ Malta u kien impressjonat bir-rigorożita` tagħha.
“Jistgħu jitwettqu żbalji, iva. Meta jinstabu, jkunu kkoreġuti. Jekk hawn xi ħadd li jemmen mod ieħor, jippreżenta jew tippreżenta l-każijiet, u mhux isiruakkużi bl-addoċċ. L-argumenti għandhom ikunu dwar parametri raġjonevoli biex ikunu definiti dawn it-tip ta’ skemi, kemm formali u informali, kif ukoll is-serjeta` fl-implimentazzjoni. L-argumenti għandhom ikunu wkoll dwar trasparenza, applikata f’kull tip ta’ skema, formali u informali. Iżda toħolqux in-nagħġa s-sewda,” Sant qal lill-membri parlamentari Ewropej.
“Tkun xi tkun l-opinjoni – favur jew kontra – dwar skemi tal-gvernijiet li bihom jingħataw ċittadinanzi, permessi ta’ residenza jew visas, dawn huma għoddod politiċi leġittimi. Minħabba l-globalizzazzjoni, l-ekonomiji ż-żgħar u fit-tarf tal-kontinent qed jitilfu l-investimenti diretti li dejjem qed ifittxu li jkunu fil-qalba tal-ekonomiji l-kbar.”
Dr Sant qal li permezz tal-iskemi ta’ dan it-tip, l-ekonomiji ż-żgħar jipprovaw jattiraw l-investiment lejn it-territorju tagħhom billi jagħtu sehem personali lil aġenti li għandhom xi tip ta’ kontroll fuq l-influssi tal-investiment. Ovvjament, dawn ikollhom ir-raġunijiet tagħhom biex jingħaqdu ma’ skemi ta’ dan it-tip, uħud aċċettabbli, oħrajn le.
“Nisimgħu stqarrijiet isteriċi, anki hawn, minn dawk li jilagħbuha li huma bojod aktar mill-abjad, li jinsistu li dan huwa abbuż taċ-ċittadinanza Ewropea li tippromwovi l-kriminalita`. Il-verita` hija li bosta stati, ilbieraħ u llum, jipprattikaw xi forma ta’ skema ta’ dan it-tip. Ħafna jagħmluha mingħajr programm …. għall-anqas hekk jidher minn barra. L-iskemi tagħhom nieqsa mir-regoli. Id-deċiżjonijiet tagħhom huma informali, mhux imħabbra, moħbija. Allura, ħadd ma jipprotesta.”
Dr Sant qal li jekk il-ħasil ta’ flus huwa l-vera problema li ddejjaq lil dawk li jikkritikaw dawn l-iskemi, kif huwa ġust li jsir, ma għandhomx jirreferu għas-sintomi, iżda għandhom imorru għall-kawżi.