Il-kelliem tal-familja tal-Pulizija Simon Schembri, lħabbar li ħa jkun qed iwaqqaf il-ġbir ta’ fondi li kien qed isir b’risq il-kuntistabbli Schembri hekk kif il-Prim Ministru wiegħed li l-Gvern se jkun qed jiffinanzja l-kura kollha li hemm bżonn.
Il-kelliem tal-familja, l-Ispettur Herman Mula rringrazzja lill-Prim Ministru għall-intervent tiegħu f’dan il-każ. Huwa wera wkoll l-aprezzament tiegħu lill-eluf ta’ Maltin li sal-lum baqgħu jagħtu d-donazzjonijet fil-fond li infetaħ apposta ftit tal-jiem ilu.
Il-flus miġbura s’issa se jkunu qed imorru fil-fondazzjoni li se tkun qed tgħin persuni oħra li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Aktar kmieni llum ġie żvelat li l-Prim Ministru Joseph Muscat assigura lill-familja tal-kuntistabbli Simon Schembri li l-Gvern se jħallas għall-kura kollha neċessarja li se jkollu bżonn kemm f’Malta u kemm barra.
Schembri ġarrab ġrieħi gravi ħmistax ilu waqt li kien qiegħed jaqdi dmiru meta allegatament safa mtajjar minn ġuvni ta’ sbatax-il sena li kien qiegħed isuq vettura bla liċenzja. Huwa ġarrab ġrieħi gravi f’idu u fil-kaxxa ta’ sidru.
F’laqgħa privata li Dr Muscat kellu ma’ mart Schembri u l-familja, il-Prim Ministru assigurahom li Simon mhux se jitlef l-ebda benefiċċji u li l-Gvern se jara li jirċievi l-aqwa kura possibbli, f’Malta u lill-hin minn xtutna.
Il-Prim Ministru assigura wkoll li l-ispejjeż kollha se jagħmel tajjeb għalihom il-Gvern u offra għadd ta’ għażliet lil Simon ladarba jirkupra għalkollox minn dan l-inċident.