Ir-referendum Irlandiż, li fih l-Irlandiżi ivvutaw b’maġġoranza kbira sabiex jiddaħħal l-abort, ġibed l-interess ta’ dawk li f’pajjiżna, jikkampanjaw kontra liġi li tippermetti l-abort, u dawk li favur l-għażla u d-drittijiet tal-mara.
Dr Lara Dimitrijevic, direttur tal-fondazzjoni għad-drittijiet tan-nisa, li f’Marzu resqu b’wiċċhom minn quddiem favur diskussjoni dwar l-abort, segwiet dan b’attenzjoni.
F’Marzu li għadda, il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa pproponiet numru ta’ bidliet, inkluż id-dekriminizzazzjoni u eventwalment id-dħul tal-abort b’mod sigur u f’ċertu każijiet bħal stupru u inċest.
Dan però fid-dawl ta’ bidliet oħra meħtieġa, fosthom fi kwistjonijiet ta’ saħħa sesswali u riproduttivi.
Minkejja li l-partiti politiċi f’Malta huma kollha kontra d-dħul tal-abort f’Malta, Dr Dimitrijevic Innutat kif Malta issa huwa l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn l-abort hu projbit għalkollox, u ttamat kif bħalma s-soċjetà Irlandiża għamlet dan il-pass, pajjiżna maż-żmien, jasal ukoll.
Miriam Sciberras – Chairperson tal-Life Network Foundation, fissret ir-rizultat ta’ aktar minn 66 fil-mija favur id-dħul tal-abort bħala mumenti ta’ dwejjaq.
Tenniet li bħala fondazzjoni se jibqgħu jipproteġu l-ħajja sa mill-bidu nett. Appellat għall-għaqda favur valuri li magħhom hu assoċjat pajjiżna.
Dan ifisser li għalkemm l-abort mhux fuq l-aġenda politika ta’ partiti politiċi ewlenin, fuq livell soċjali – id-dibattitu favur u kontra mistenni jkompli jirranka dwar dan is-suġġett kontroversjali.