Kien fil-25 ta’ Mejju tas-sena 2013 li saret l-ewwel titjira tat-Turkish Airlines bejn Malta u Istanbul. Dak iż-żmien kollox kien beda b’titjira waħda fil-ġimgħa, imbagħad ftit tax-xhur wara dawn telgħu għal ħames titjiriet u bid-domanda dejjem tiżdied it-titjiriet illum bejn Malta u Istanbul huma ta’ 14 fil-ġimgħa jiġifieri tnejn kuljum; filgħodu u filgħaxija.
Matul dawn l-aħħar ħames snin din il-linja tal-ajru ġarret ’il fuq minn 478,283 passiġier bejn Malta u t-Turkija, bl-ammont ta’ passiġieri jitla’ minn sena għal sena.
Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena diġà ġiet irreġistrata żieda fil-passiġieri li vvjaġġaw bejn Malta u t-Turkija, żieda ta’ 72% meta mqabbel mas-sena l-oħra.
Intant dwar is-suq Tork, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li t-turiżmu mit-Turkija żdied b’rata ta’ tkabbir annwali ta’ 20.2% fl-aħħar ħames snin. Dan jikkumplimenta l-fatt li t-Turkish Airlines bdew joperaw minn Malta fl-2013.
Dr Konrad Mizzi qal li t-Turkish Airlines ikkontribwixxiet ukoll għall-konnettività ta’ Malta bħala pajjiż hekk kif tgħaqqad lil Malta ma’ ajruporti maġġuri fl-Ewropa li jippermettu konnessjonijiet lejn l-Asja u lejn l-Ewropa tal-Lvant.
Ftit tal-jiem ilu, fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju għadd ta’ ġurnalisti Maltin ittieħdu mawra fil-kwartieri ġenerali tat-Turkish Airlines fejn kellhom l-opportunità li jitkellmu mal-Kap Eżekuttiv ta’ din il-linja tal-ajru Bilal Eksi.
Huwa qal kif f’Malta din il-kumpanija qed tara biss tkabbir u mhux eskluż li ’l quddiem tbiddel l-ajruplani li joperaw minn Malta għal Airbus sabiex dawn iġorru iktar passiġieri fis-sajf.
Iżda lil hinn minn Malta din il-kumpanijia ser tkun qed iżżid ukoll id-destinazzjonijiet tagħha lejn pajjiżi differenti u tibqa’ tuża l-Belt ta’ Istanbul bħala hub għal aktar minn 302 pajjiżi, biż-żieda mistennija tkun lejn il-Kambodja, Bali u l-Messiku.
F’Ottubru li ġej mistenni jiftaħ l-ajruport il-ġdid fit-Turkija u li permezz ta’ dan il-ftuħ mistenni jonqos il-ħin ta’ transizzjoni bejn pajjiżna u din il-belt.
Dan l-ajruport mistenni jkun wieħed state of the art u li ser jinkludi fost oħrajn lounge għall-klijenti tat-Turkish Airlines ta’ sitt elef metru kwadru. Permezz tal-bini ta’ dan l-ajruport, mistennija jiżdiedu t-titjiriet għaliex l-ajruport ser ikun wieħed ferm akbar.
Dwar il-kumpanija nnifisha Eksi qal li parti minnha ġiet ipprivatizzata lura fl-2006 bil-Gvern Tork iżomm l-akbar sehem minnha, iżda huwa qal li din il-privatizzazzjoni wasslet biex il-kumpanija rat biss tkabbir.
SKEDA TAS-SAJF
Sena 2013 3 titjiriet
Sena 2014 5 titjiriet
Sena 2015 10 titjiriet
Sena 2016 14-il titjijra
Sena 2017 14-il titjijra
Sena 2018 14-il titjijra
SKEDA TAX-XITWA
Xitwa 2013/2014 3 titjiriet
Xitwa 2014/2015 7 titjiriet
Xitwa 2015/2016 10 titjiriet
Xitwa 2016/2017 14-il titjijra
Xitwa 2017/2018 14-il titjijra
MALTA – ISTANBUL – MALTA
Numru ta’ passiġieri
Sena 2013 19,292 passiġier
Sena 2014 58,745 passiġier
Sena 2015 118,344 passiġier
Sena 2016 132, 521 passiġier
Sena 2017 147,881 passiġier