Ir-referee internazzjonali tal-Beach Soccer, Jude Amin Utulu, ġie appuntat biex jikkontrolla logħbiet fis-sitt edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni għall-clubs.
Il-kosta Portugiża ta’ Nazaré, għat-tieni darba konsekuttiva ser tospita t-Tournament Finali, li jintlagħab il-ġimgħa d-dieħla mit-28 ta’ Mejju sat-3 ta’ Ġunju.
Din is-sena wkoll, l-aqwa clubs rappreżentattivi tal-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali Ewropej tal-Football ser iterrqu lejn ir-ramel ta’ din il-lokalità mal-Baħar Atlantiku biex jikkontestaw għat-titlu ta’ champions Ewropej. (SC Braga tal-Portugall huma ċ-champions renjanti).
26 minn 34 team diġà jafu bid-dettalji tal-logħob tagħhom fil-fażi preliminari tal-gruppi; 8 teams oħra jingħaqdu magħhom wara li ġranet qabel (mill-25 sas-27 ta’ Mejju) ikunu kkompetew fin- Nazaré Beach Soccer Cup u spiċċaw fil-quċċata tal-gruppi biex ikkwalifaw għall-Euro Winners Cup.
Minbarra l-kompetizzjoni maskili, f’dik li ser tkun it-tielet edizzjoni tal-kompetizzjoni verżjoni Women Euro Winners Cup 2018, fl-istess żmien 20 team mill-kontinent Ewropew, l-ewwel ser jissieltu f’ħames gruppi qabel jgħaddu mill-stadji segwenti u jaslu għar-rebħa finali. (Havana Shots Aargau tal-Isvizzera huma ċ-champions renjanti).
Fiż-żewġ kompetizzjonijiet, minbarra l-fażijiet tal-aħħar 16, il-kwarti-finali, is-semi-finali u l-finali, isiru wkoll il-play-offs biex tiġi deċiża l-pożizzjoni finali ta’ kull team.