Bil-programm taċ-ċittadinanza b’investiment tikseb mhux biss l-aqwa riżultati ekonomiċi iżda l-aqwa nies. Dan kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-Investment Migation Forum li qed jittella’ f’Genevra.
Forum bit-tema ‘Advancing Investor Immigration and Citizenship’ li laqqa’ flimkien mexxejja minn madwar id-dinja, aġenti tal-programm taċ-ċittadinanza b’investiment, aġenzji u kumpaniji li huma interessati f’dan il-programm.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa l-opportunità u tkellem dwar l-impatt pozittiv li ħalla l-programm taċ-ċittadinanza b’investiment fuq l-ekonomija Maltija.
Tenna li l-programm Malti huwa approvat mill-kummissjoni ewropea, huwa programm trasparenti u li d-deċiżjonijiet marbuta ma’ dan il-programm jittieħdu minn tekniċi u mhux minn politiċi . Żied li abbażi ta’ dan li Malta bniet il-programm tagħha ta’ ċittadinanza b’investiment li minn kemm ilu stabbilit qed ikollu suċċess kbir.
Il-Prim Ministru qal li l-aqwa xenarju biex pajjiż jaddotta dan il-programm huwa meta ekonomikament pajjiz ma jkollux bżonnu. Saħaq li l-iktar ħaġa li ħeġġitu biex pajjiżna jadotta dan il-programm mhux l-flus li se jiġu ġġenrati fl-ekonomija Maltija iżda li pajjiżna qed jirnexxielu jattira individwi li lesti jinvestu f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru żied jgħid li hu kburi li jmexxi pajjiż b’ekonomija ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 6.3%, bit-tielet l-inqas rata ta’ qgħad u b’diversi miżuri għall-familji, fosthom dik taċ-childcare b’xejn.
Rapport: Nicole Buttigieg
https://youtu.be/TG5Hw8Qj_4A