Sa tmiem din is-sena hu maħsub li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar se jkun għad fadallu madwar €800,000 fondi mingħajr ebda pjan li jintefqu u madwar €4 miljun f’fondi tal-MEPA għall-istess lokalità.
Fondi li minflok jiġu mġemmgħin jistgħu jservu tajjeb biex jgħinu lil din il-lokalità fi proġetti siewja li minnhom igawdu r-residenti.
Ġie żvelat dan waqt Laqgħa Ġenerali tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar proprju lbieraħ filgħaxija.
B’reazzjoni għal din l-aħbar l-eks kunsillier Nazzjonalista Robert Piscopo spjega kif din kienet waħda mir-raġunijiet li hu rriżenja mill-PN, bl-eks Sindku Graziella Galea f’ras il-problema. Sostna li l-istess Kunsill kien qed iġemma’ l-flus ta’ qabel, flus li setgħu jintużaw għal proġetti għal-lokalità.
Il-Kunsillier Paul Bugeja kkonferma wkoll din l-aħbar fejn meta mistoqsi fejn wieħed jista’ jikkonferma, ikkummentalhom li dan kollu hu rrapportat fin-noti tal-Laqgħa Ġenerali tal-Kunsill.
Kienu bosta residenti li lmentaw kif saru jafu b’din l-aħbar fejn spjegaw kif fil-passat, meta kienet Sindku Graziella Galea, l-iskuża għal kull idea kienet dejjem tkun li l-Gvern ma jipprovdix fondi biżżejjed biex dawn l-ideat isiru realtà.
Iżda issa jidher li mhux talli kien hemm biżżejjed flus, iżda talli dawn il-fondi ma bdewx jintefqu u bdew jinżammu mistur mir-residenti għad-detrement tal-lokalità.