F’tlettax-il xahar, bejn Marzu 2015 u Marzu 2016 kienu rrappurtati 9,357 serqa. Filwaqt li bejn l-1 ta’ Marzu u l-31 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet kien hemm 7,706, bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Marzu ta’ din is-sena ġew irrappurtati 1,651 każ.
Minn informazzjoni parlamentari mogħtija mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela rriżulta li fil-perjodu msemmi, is-serq minn residenzi ammonta għal 780 każ. Filwaqt li bejn l-1 ta’ Marzu u l-31 ta’ Diċembru 2015 seħħew 626 serqa, bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Marzu ta’ din is-sena, seħħew 154 serqa.
Mill-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena rriżulta li f’Marzu kienu rrappurtati l-iżjed każijiet ta’ serq. Fost l-aktar serq irrappurtat kien hemm il-pick pocketing (125) u s-serq minn ġol-karozzi (120). Fil-perjodu msemmi tal-2015, fix-xhur ta’ Lulju u Awwissu ġew irrappurtati 1266 u 1068 serqa.