Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis attenda għaċ-ċertifikazzjoni tal-gradwazzjoni għat-taħriġ mogħti lill-persuni neqsin mid-dawl u lill-klieb gwida, organizzata mill-Malta Guide Dogs Foundation.
It-taħriġ jinvolvi żewġ aspetti. Primarjament, il-persuni neqsin mid-dawl ikunu mħarrġa biex qabel japplikaw għal kelb gwida jkunu preparati għal ċerti ċirkostanzi li jistgħu jiltaqgħu magħhom, pereżempju jekk ikunu se jaqgħu. It-tieni parti tat-taħriġ tiffoka fuq l-abbiltajiet tal-klieb biex jipprovdu servizz ta’ kwalità għall-persuni neqsin mid-dawl.
Anthony Agius Decelis qal li s-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva jaħdem bis-sħiħ għall-inklużjoni u għall-aċċessibilità tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà. Kulħadd għandu jkollu aċċess ugwali, opportunitajiet ugwali u rispett ugwali biex ikun hemm ugwaljanza bejn kull individwu.
Il-Gvern jaħdem biex kull individwu jkollu dritt għal opportunitajiet varji li jsaħħu d-dinjità tiegħu. Importanti li s-soċjetà tirrispetta lil u tkun ta’ spalla għal xulxin. Il-klieb għandhom rwol importanti f’dan il-qasam għax kapaċi huma stess ikunu ta’ spalla għall-persuni neqsin bid-dawl biex jgħixu ħajja indipendenti.
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li kull persuna għandha ħafna kapaċitajiet u għandu jkollha opportunitajiet biex tiżviluppa u ssarraf dawn il-kapaċitajiet fis-soċjetà Maltija.