Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qed taħdem bla waqfien sabiex jitneħħa mill-aktar fis possibbli l-moratorju tal-kaċċa tal-gamiem fir-Rebbiegħa, mentri l-Kummissjoni Ewropea (KE) pproponiet moratorju tal-kaċċa tal-gamiem fil-ħarifa fl-Ewropa kollha.
Il-maġġoranza tal-pajjiżi fejn isir il-kaċċa tal-gamiem, m’aċċettawx proposta li resqet il-KE biex jagħmlu moratorju temporarju fuq din il-kaċċa waqt l-istaġun tal-ħarifa.
Dan jirriżulta minn informazzjoni li għanda l-FKNK, dwar laqgħat tal-grupp informali NADEG* (EU Expert Group on the Birds and Habitats Directives), li saru fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2018 fi Brussel. NADEG tlaqqa r-rappreżentanti tal-Membri Stati tal-UE, u f’dawn il-laqgħat partikolari, fejn jipparteċipaw ukoll il-FACE u l-BirdLife International, tpoġġiet għad-diskussjoni l-SAP (Species Action Plan) tal-gamiema, f’liema pjan, propju dan l-aħħar, il-KE riedet tinkludi moratorju temporarju fuq il-kaċċa tal-gamiem fil-ħarifa fl-Ewropa kollha.
Fil-fatt, Greċja, Bulgarija u Ċipru ma qablux mall-SAP fl-intier tiegħu minħabba l-inklużjoni tal-moratorju;
Spanja, l-Italja u Malta daħħlu rinunzja għall-SAP ukoll minħabba l-parti tal-moratorju, kif ukoll espremiet l-opinjoni tagħha l-FACE permezz ta’ dikjarazzjoni qawwija.
Filwaqt li l-opinjonijiet ta’ Franza, il-Portugal, ir-Romanija u l-Awstrija jistgħu possibilment ikunu wkoll kontra l-moratorju, dawn ma ħarġux ċari mill-laqgħat.
Għalkemm, fl-aħħar tal-laqgħat il-Kummissjoni naqset milli tirtira l-proposta tagħha tal-moratorju, stiednet lill-pajjiżi fejn isir il-kaċċa tal-gamiem biex jibgħatu l-pożizzjonijiet formali tagħhom bil-miktub.
B’mod ġenerali, dak li ħareġ mill-laqgħat kien pożittiv, għax qed jibgħat messaġġ ċar lill-Kummissjoni li l-proposta tal-moratorju fil-ħarifa, li daħlet fl-aħħar ftit żmien, ma sabitx is-sapport tal-Membri Stati. Dan saħqitu l-FKNK fi stqarrija.