Il-kontinġent Malti tal-MESA li qed jieħu sehem fil-World Company Sport Games f’La Baule fi Franza llum rebaħ xejn anqas minn seba’ midalji fl-ewwel jum ta’ l-Atletika, jiġifieri midalja waħda tad-deheb, tnejn tal-fidda u erbgħa tal-bronż.
Lawrence Ransley iddomina l-kategorija tiegħu tax-Shot Put fejn ħareġ rebbieħ bi throw ta’ 14-il metru u 10 ċentimetru biex kiseb l-ewwel midalja tad-deheb għal Malta.
David Cassar u Peter Azzopardi kisbu midalja tal-fidda t-tnejn li huma fil-5,000 metru. Cassar spiċċa t-tieni fil-kategorija C (40-49 sena) u Azzopardi għamel l-istess fil-kategorija D (50-59 sena).
L-erba’ midalji tal-bronż intrebħu minn Marilyn Grech fil-kategorija A (18-29 sena) tal-100 metru, Mark Mifsud fl-istess kategorija A fit-800 metru, Matthew Scicluna fil-kategorija B (30-39 sena) ta’ 5,000 metru u Adrian Mifsud fil-kategorija C tal-5,000 metru.
Fil-Beach Volley, it-team ta’ l-Irġiel iffurmat minn Angelo Bonello u David Mario Caruana, rebaħ erba’ loghbiet minn erbgħa biex jinsabu b’ċans tajjeb għall-medalji, waqt li t-team tan-Nisa ffurmat minn Maria Caruana Demicoli u Isabel Cutajar rebaħ tnejn minn tliet logħbiet u għadhom ukoll b’ċans li jkomplu javvanzaw.
It-team tal-Badminton, li qed jieħu sehem fis-Senior Mixed Tournament, kiseb rebħa ta’ 4-0 kontra team Franċiż imma tilef 3-1 kontra avversarji Germaniżi.
Fil-Bowling, fi tmiem l-ewwel jum ta’ logħob, il-Malta International Airport jinsabu fis-sitt post u l-Bank of Valletta fit-12-il post minn 32 team. Il-logħob ikompli il-Ġimgħa, bl-ewwel 12-il team jgħaddu għall-fażi finali.
Kien hemm ukoll riżultati tajbin għall-player tad-Darts Joseph Mallia li kiseb rebħiet bl-iskor identiku ta’ 3-0 kontra l-Fraċniż Jean Claude Samoyeau u l-Germaniz Anthony Henton.