Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li se tinvesti ‘l fuq minn €6 miljun f’appoġġ lejn l-isforzi għal stabbiltà fil-Libja.
Minn dawn, €5 miljun se jmorru għall-inizjattiva tal-Gvern Libjan tal-għaqda nazzjonali, għal faċilità ta’ stabilizzazzjoni fil-pajjiż. Inizjattiva sostnuta mill-Programm ta’ żvilupp tan-Nazzjonijiet magħquda u l-komunita’ internazzjonali.
L-għan tal-faċilità huwa li tirriabilita infrastruttura kritika f’zoni milquta mill-kunflitt. Dan jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ servizzi ewlenin f’livell muniċipali, li joffru appoġġ għall-isforzi tal-pajjiż biex jistabilizzaw il-qagħda politika fil-Libja, u jippermettu l-attivitajiet tan-negozju biex jirkupraw.
Mal-1.1 miljun se jkunu pprovduti għal sistema li kontinwament tiġbor u tippreżenta informazzjoni u statistika fuq livell lokali u muniċipali, biex ikunu identifikati ż-żoni l-aktar fil-bżonn. Din is-sistema se tipprovdi wkoll analiżi biex toffri appoġġ għal pjannar ta’ stabilizzazzjoni, resiljenza u attivitajiet ta’ irkupru.