Eyob Melake Ecobagaber ta’ sebgħa u għoxrin sena mill-Eritrea ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li l-Erbgħa li għadda stupra mara Franċiża f’Paceville.
Ir-raġel ġie arrestat mill-pulizija wara li waslitha telefonata anonima li kien hemm mara mifxula qrib dik li kienet id-diskoteka Axis. Il-Pulizija sabu lil mara tibki waqt li r-raġel li ġie identifikat mill-mara ġie arrestat ftit wara li pprova jaħrab minn fuq il-post.
Il-mara qalet lill-pulizija li gidmet u girfet lill-aggressur hekk kif pprovat twaqqaf l-attakk. Il-mara ttieħdet l-isptar għall-kura.
Ir-raġel daħal il-qorti b’ħafna grif ma’ wiċċu u wieġeb mhux ħati li stupra lil mara, li żammha kontra r-rieda tagħha u li darabha ħafif.
Huwa ġie mixli wkoll li kien reċediv u li wettaq ir-reat waqt li kien b’sentenza sospiża li ngħata ftit tal-jiem ilu.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea bagħtet lill-akkużat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.