Fi stqarrija uffiċjali mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia intqal li saret referenza għall-ilmenti li dehru fuq is-social media u fil-ġurnali online permezz ta’ iffirmar ta’ petizzjoni favur il-protezzjoni tal-embrijun li bħalissa tinsab miftuħa għall-firem fuq is-sit elettroniku tal-Parlament.
Mill-istħarriġ li għamlet is-Sedja jidher li l-problemi nqalgħu wara li Google aġġornaw is-sistema tagħhom – magħrufa bħala “ReCaptcha” – li tintuża fuq bosta siti elettroniċi bħala protezzjoni minn spam. Din tipprovdi dak li nirreferu għalih bħala Turing test li minnu s-sistema tagħraf jekk il-firmatarju huwiex persuna reali jew xi software miktub sabiex jabbuża mis-sistema.
Sfortunatament, meta nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Mejju 2018 saru l-updates relattivi fis-sistema tal-petizzjonijiet online b’rabta mal-bidla li saret min-naħa ta’ Google, inqabżu xi aċċertamenti li rriżultaw fi problemi għal dawk il-persuni li ppruvaw jiffirmaw kemm din il-petizzjoni kif ukoll oħrajn li kienu għadhom miftuħa għall-firem. Is-sistema reġgħet ġiet għan-normal ilbieraħ filgħodu.
Mill-istess stħarriġ li sar jirriżulta li sal-ħin li ħarġet din l-istqarrija l-petizzjoni ġiet iffirmata min 8601 maqsuma kif ġej:
L-Ispeaker Farrugia jieħu din l-okkażjoni sabiex jinforma lill-pubbliku li fir-rigward tal-kwistjoni ta’ firem doppji, qiegħda bħalissa tintbagħat email lil kull persuna konċernata fejn tingħata informazzjoni dettaljata dwar kull tentattivi li sar minn dik il-persuna biex tiffirma kif ukoll dwar liema tentattiv ġie fil-fatt aċċettat mis-sistema.