Il-Provinċjal tad-Dumnikani Patri Frans Micallef naqas milli jwieġeb dwar iċ-ċensura u theddida imposta fuq Patri Mark Montebello li fl-aħħar jiem ġie ordnat ma jitkellimx u ma jiktibx aktar fil-mezzi ta’ komunikazzjoni.
Dan wara artiklu li kkritika l-pożizzjoni li ħadet il-Knisja f’Malta dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF.
Ikkuntattjat mill-ġurnali l-orizzont, il-Provinjal tal-Dumnikani Frans Micallef injora għalkollox il-mistoqsijiet li ntbagħtulu permezz ta’ email. Dan wara ġimgħa sħiħa li matula, il-Proviċjal naqas milli jwieġeb it-telefonati.
Patri Mark Montebello kien ilu jikteb fil-gazzetta It-Torċa għal ħamsa u għoxrin sena sħaħ. Madankollu, l-opinjoni tiegħu fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda ġiet iċċensurata.
il-gazzetta qalet li l-unika reazzjoni li kellha mill-Ordni tad-Dumnikani kienet mingħand is-Superjur Dun Vince Micallef, li ma riedx iwieġeb il-mistoqsijiet u ssuġġerilhom li l-aħjar persuna biex tkellimhom kien il-Provinċjal.
Il-ġurnal staqsa jekk il-Provinċja tikkonfermax li Patri Mark kien ġie msikket, min ħa d-deċiżjoni u għal-liema raġunijiet ittieħdu dawn il-passi.
Il-Provinċjal kien mistoqsi wkoll jekk iltaqax ma’ Patri Mark u jekk tahx l-opportunita biex jiddefendi ruħu, u jekk id-deċiżjoni li ttieħdet fuqu tistonax meta qegħdin ngħixu fi żmien li nisħqu fuq il-libertà tal-espressjoni.
Kruċjali wkoll kienet il-mistoqsija jekk il-Provinċja Dumnikana kellhiex xi forma ta’ pressjoni mill-Kurja biex Patri Mark Montebello jiġi ċċensurat.
Madanakollu, dawn il-mistoqsijiet baqgħu bla tweġiba.
Mistoqsijiet li ntbagħtu lill-Provinċjal tad-Duminkani wara li l-Kurja qalet li ma kellha l-ebda informazzjoni li Patri Mark Montebello kien ġie msiekket mill-Knisja.