- Medja ta’ €52,000 kull sena għall-kumpanija tal-“fotografu esklussiv” ta’ Eddie Fenech Adami għal 13-il sena infila bejn is-snin 2000 u 2013
Il-kumpanija Promotion Services Limited, li tħaddan fiha d-dar tal-pubblikazzjoni Miranda Publishers, daħħlet iżjed minn €675,000 minn bejgħ ta’ kotba u servizzi oħrajn lil ministeri u entitajiet governattivi mis-sena 2000 sal-2013.
Dan il-ġurnal hu infurmat li l-kotba, li fil-maġġoranza tagħhom jirriżulta li nxtraw mingħajr sejħa għall-offerti jew inkella t-tagħrif dwar il-metodu hu nieqes, huma bbażati primarjament madwar ir-ritratti tal-fotografu Eddie Aquilina.
Dan jiftaħar li kien il-“fotografu esklussiv” tal-Eks Kap u Prim Ministru Nazzjonalista Eddie Fenech Adami, waqt li riċentement spiss deher waqt l-attivitajiet ta’ Occupy Justice. Aquilina hu wkoll direttur u shareholder tal-kumpanija Promotion Services Ltd., minbarra li jirrappreżentaha legalment u ġudizzjarjament.
F’waħda mill-istess attivitajiet ta’ Occupy Justice, Aquilina wkoll infexx kontra l-ġurnalisti ta’ ONE News u nstema’ jgħid li lilu jistgħu jiġbduh kemm iridu għax hu m’għandu xejn x’jaħbi u sebgħu dritt.
Aquilina, li jiftaħar li beda l-vjaġġ politiku u ta’ fotografu tiegħu ma’ Fenech Adami lura għall-1981, ippubblika wkoll ktieb bl-isem ta’ Eddie l-Għażla tal-Poplu lejlet l-Elezzjoni Ġenerali tal-1987 u ieħor aktar riċenti illustrat bir-ritratti tiegħu stess u bit-titlu My journey through a lens with Eddie Fenech Adami, fost ħafna oħrajn.
Minn dak iż-żmien kien meqjus bħala insider tad-Dar Ċentrali u hu stess jisħaq li kien mal-Kap innifsu fi ġrajjiet importanti u storiċi bħal dakinhar tal-11 ta’ Mejju, 1987 meta dan ġie mgħarraf li l-Partit Nazzjonalista kien għadu kif rebaħ l-Elezzjoni u l-għada meta ħa l-ġurament tal-ħatra fil-Palazz tal-President.
Jirriżulta li Miranda Publishers kienet twaqqfet fi ħdan l-istess Promotion Services Ltd. ftit żmien wara dik l-elezzjoni li temmet 16-il sena ta’ Gvernijiet Laburisti. Waqt li tal-ewwel mhix irreġistrata bħala kumpanija fuq ir-reġistru tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji Maltija (MFSA), tal-aħħar hi rreġistrata fl-indirizz 139/3, Tower Road, Tas-Sliema, waqt li l-uniċi diretturi u shareholders tagħha huma l-istess Eddie Aquilina u Anthony Aquilina.
Skont it-tagħrif li ngħata fil-Parlament fl-aħħar ġimgħat, għalkemm il-kumpanija u/jew id-dar tal-pubblikazzjoni inkwistjoni ma jissemmewx direttament, ħareġ li l-ħlasijiet abbundanti ta’ madwar €52,000 kull sena fuq perjodu ta’ 13-il sena infila kienu jkopru wkoll l-iffinanzjar ta’ kotba li kienu għadhom iridu jiġu stampati mill-istess Miranda.
Mill-ismijiet tal-kotba ppreżentati fit-tweġibiet ministerjali wkoll joħroġ li dawn kienu tal-kumpanija msemmija.
Id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar staqsiet lil diversi ministeri jekk inxtrawx kotba mill-kumpanija, kemm kienet l-ispiża sena b’sena u jekk dan seħħx b’direct order jew b’tender.
Minn dawn jirriżulta li €343,460.03, li jiġu aktar minn nofs is-somma globali ta’ €675,348.36, tħallsu mill-Ministeri għat-Turiżmu taħt it-tmexxija ta’ Michael Refalo, Francis Zammit Dimech u Mario Demarco rispettivament. Din kienet l-aħħar minn sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari li ġiet imwieġba nhar it-Tnejn li għadda.
Mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru taħt l-istess Eddie Fenech Adami u sussegwentement Lawrence Gonzi nxtraw b’kemm jiswew aktar minn €69,500 f’kotba, reklamar fuq billboards, self ta’ ritratti, reklamar fuq kotba u sponsorships, ilkoll b’direct orders.
Mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, u l-entitajiet li jaqgħu taħtu (għalkemm sa qabel l-2013 kien ifisser li kienu jaqgħu taħt aktar minn ministeru wieħed), l-ispiża għal servizzi u kotba mill-kumpanija laħħqu iżjed minn €80,000; mill-Ministeru għall-Edukazzjoni tħallsu kważi €52,000 oħra; ftit inqas minn €44,000 mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin; mal-€40,000 mill-Ministeru għas-Saħħa; u aktar minn €29,000 mill-Ministeru għall-Ekonomija.
Ministeri oħrajn, bħal dawk tal-Ambjent, tal-Finanzi, tal-Ġustizzja u tal-Intern, ilkoll wieġbu li l-ħlasijiet kienu jammontaw għal ftit eluf ta’ ewro fuq l-istess perjodu.