L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat żewġ applikazzjonijiet għal bini ta’ żewġ pompi tal-fjuwil f’Ħaż Żebbuġ u San Ġwann.
Dan filwaqt li l-ERA waqqfet xogħol ta’ kostruzzjoni fil-Balluta wara li materjal tal-kostruzzjoni spiċċa fil-baħar.
https://www.facebook.com/zibelofficial/videos/1816719368630433/
L-Awtorità tal-Ippjanar dalgħodu rrifjutat b’mod unanimu żewġ applikazzjonijiet biex jinbnew żewġ pompi tal-petrol f’Ħaż-Żebbuġ u San Ġwann.
Il-pompi kienu proposti li jinbnew f’Tal-Balal f’San Ġwann u fi Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbuġ.
Id-direttorat tal-ambjent oġġezzjona għall-iżvilupp taż-żewġ pompi minħabba li jinsabu f’distanza ta’ anqas minn ħames mitt metru minn pompi oħrajn eżistenti.
Iż-żewġ applikazzjonijiet kienu se jieħdu bejniethom madwar tlett elef metru kwadru ta’ art f’żona barra mil-limitu tal-iżvilupp.
Matul is-seduta ta’ dalgħodu, l-applikanti għamlu bosta argumenti dwar il-mod li bih ġiet ikkalkulata d-distanza bejn il-pompi.
Madankollu wara li l-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar sema’ r-rakkomandazzjonijiet tad-direttorat, irrifjuta ż-żewġ applikazzjonjiet.
Intant, l-Awotrità għall-Ambjent u r-Riżorsi waqqfet b’mod immedjat xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-Balluta wara li materjal tal-kostruzzjoni ħareġ fil-baħar b’dannu għall-ambjent marittimu.
Fi stqarrija l-ERA qalet li matul il-lejl il-kuntrattur beda jieħu għadd ta’ miżuri biex ma joħroġx aktar materjal fil-baħar. Żiedet tgħid li se tieħu azzjoni kontra l-iżviluppatur wara li kiser il-liġi ambjentali.