‘Advancing in society through empowerment’
Dan kien it-titlu ta’ kors li sar grazzi għall-ġenerożità tal-poplu Malti li ta d-donazzjonijiet tiegħu lill-Malta Community Chest Fund fl-Istrina li għaddiet, u li l-fondi miġbura kkontribwixxew għal 66 proġett differenti, fosthom dan.
Waqt l-għoti taċ-ċertifikati, spikkaw l-effetti pożittivi li ħalla dan il-kors, li minnu tgħallmu kemm il-parteċipanti nfushom li laħqu t-tlieta u erbgħin kif ukoll l-għalliema.
“Sirt aktar soċjevoli, u kif jgħidu qatt m’hu tard” qalet Doreen Ellul Lanfranco, hi u tispjega kif inbidlet mindu ħadet sehem f’dan il-kors:
L-għalliema Josette Barbara Cardona fissret kif kull sessjoni ġabet magħha esperjenza differenti. Fost is-suġġetti li ddiskutew kien hemm l-assertività, kif taħdem f’tim, it-tqassim tal-ħin, ħiliet kif tfittex impjieg u anke etika fuq il-post tax-xogħol.
Stqarret li dan il-kors, għal uħud serva bħala raġġ ta’ tama u għal għalliema nnifishom serva wkoll bħala mezz ta’ kuraġġ:
Fi kliem Josette Barbara Cardona:
“L-esperjenza kienet two way, jiena bħala waħda mit-tutors tgħallimt ħafna minnhom, tajnihom l-opportunità jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, jesprimu ruħhom u l-weġgħt tagħhom u anke dak li jagħmilhom ferħanin”
Intant, fid-diskors tagħha l-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca faħħret ix-xogħol tal-Kunsill Nazzjonali tan-nisa li tul is-snin ttrasforma ruħu f’komunità ta’ tagħlim biex iġib tibdil f’ħajjet il-mara.
Hija qalet li dan il-kors huwa xhieda ta’ dan għaliex ħafna huma dawk in-nisa li nħolqulhom ħafna opportunitajiet u sabu wkoll impjieg.