Ilbieraħ filgħaxija t-tim femminili ta’ Birkirkara rebħu l-kompetizzjoni knockout meta fil-finali għelbu lil Mġarr United 5 – 4 wara l-għoti tal-penalties biex b’hekk irreġistraw id-double wara li ftit tal-ġimgħat ilu rebħu l-Kampjonat.
Kienu Mġarr, immexxija minn Patrick Curmi, li marru fil-vantaġġ grazzi għal Claudette Xuereb fit-72 minuta iżda erba’ minuti biss wara Maida Debono xeħtet fix-xibka tagħha stess biex l-iskor sar 1 – 1.
Il-partita marret għal ħin barrani bl-iskor jibqa’ 1 – 1.
Birkirkara, taħt il-gwida ta’ Melania Bajada, irnexxilhom jiskurjaw erba’ penalties grazzi għal Gabriella Zahra, Samantha Zarb, Stephania Farrugia u Alishia Sultana biex b’hekk rebħu l-aħħar unur tal-istaġun.