Pulizija mis-sezzjoni tat-traffiku ġarrab ġrieħi serji wara dik li kellha tkun spezzjoni ta’ rutina spiċċat fi traġedja hekk kif ix-xufier li huwa minorenni ta’ sbatax-il sena saq fuqhu u kaxkru għal erba’ mitt metru, fejn ħalliħ mitfugħ taħt bankina fl-entratura taż-żona industrijali ta’ Ħal-Luqa.
L-inċident beda biswit ir-roundabout ta’ Ħal-Luqa fejn għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart ta’ filgħodu, waqt li kien għaddej bil-ħidma tiegħu, l-Pulizija waqqaf vettura tat-tip Mercedes madankollu dan ix-xufier ma waqafx anzi saq għall-fuq il-Pulzija bil-konsegwenza li qabdu taħt l-istess vettura.
Fuq il-post, immedjatament issejħu diversi membri tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma tim mediku mill-Isptar Mater Dei mmexxi mit-tabib tal-Emerġenza, Dr Michael Spiteri fejn taw l-ewwel għajnuna lill-vittma.
Il-Pulizija jidher li ġarrab diversi ġrieħi f’diversi partijiet ta’ ġismu fosthom f’idu. Huwa ttieħed l-isptar permezz ta’ Ambulanza li kienet skortata minn mutur tal-Pulizija u vettura oħra tal-Protezzjoni Ċivili u oħra mill-Isptar Mater Dei.
Fuq ix-xena tal-inċident, il-Pulizija dehru jistħarrġu l-marki li ħalla l-elmu tal-Pulizija fuq it-tarmak minn fejn beda l-inċident sa fejn spiċċa.
Fil-mumenti ta’ wara l-inċident inġabru wkoll numru kbir ta’ kollegi tal-vittma, Simon Schembri li bdew it-tfittxijiet għall-karozza tal-ġuvni kif ukoll bdew jgħalqu t-toroq max-xena tal-inċident.
Il-ġuvni, Liam Debono ta’ sbatax-il sena li joqgħod ħal-Tarxien ġie arrestat minn diversi membri tar-Rapid u Special Intervention Unit li ħarġu mill-bażi tagħhom f’Ta’ Kandja fejn interċettaw lill-ġuvni u arrestawh immedjatament fi Triq Ħal-Farruġ. Sorsi qrib l-investigazzjoni kkonfermaw ma ONE News li l-karozza involuta fl-inċident kienet irreġistrata fuq oħt il-ġuvni.
Intant, b’reazzjoni għal din l-inċident kienu bosta li esprimew fejqan ta’ malajr lil Schembri inkluż il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia.
Kawża tal-inċident, it-toroq triq Ħal-Qormi u Triq Ħal-Farruġ kellhom jingħalqu għat-traffiku sakemm saru l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kif ukoll l-Inkjesta Maġisterjali. Il-ġuvni mistenni jitressaq il-Qorti affaċjat b’diversi akkużi fis-siegħat li ġejjin.
Filmati: Kyle Mifsud