Dalgħodu l-Pjazza taż-Żejtun marret lura għall-1942 bl-avveniment iż-Żejtun Taħt in-Nar li għal darb’ oħra kien ta’ suċċess. Dan l-avveniment ifakkar it-traġedja li seħħet fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija fil-Pjazza taż-Żejtun fit-2 ta’ Mejju tal-1942.
L-ambjent tal-Pjazza inbidel eżattament għal dak iż-żmien, b’diversi re-enactments minn Battlefield Living History Group, Malta Command, u Malta Sea Cadets, flimkien ma’ ilbies tradizzjonali u mużika tal-Gwerra. It-tfal ukoll kellhom l-opportunità li jipparteċipaw, hekk kif iż-żgħażagħ mill-għaqda Żejtun Organisation to Empower You (ŻOEY) organizzaw diversi logħob tradizzjoni minn passju għall-ħabel. Il-pubbliku ma naqasx ukoll milli jduq l-ikel tal-Victory Kitchen li tqassam b’xejn minn għaġin għal soppa fost l-oħrajn. Fost diversi attrazzjonijiet, l-aktar li ġibdet l-għajn fost il-pubbliku, kien il-bar li ġie armat, il-ħasil tal-ħwejjeġ fil-banju taż-żingu f’nofs il-Pjazza, kif ukoll iċ-ċertifikati tal-113-il-persuna miż-Żejtun li mietru fiż-żmien il-Gwerra.
Barra minn hekk, saret tifkira kommemorattiva quddiem il-monument li jfakkar it-28 persuna li mietu dakinhar tat-traġedja. Il-pubbliku kellu wkoll l-opportunità li jara t-tip ta’ bombi li ġew użati waqt din it-traġedja minn Luftwaffe Junkers 88, li d-daqqiet tal-bombi għadhom jidhru mal-faċċata tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun.