Il-Membru Parlamentari Ewropew Taljan Gianluca Buonanno, li jirrappreżenta l-Lega Nord, miet il-Ħadd wara nofsinhar. Dan wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Gorla Maggiore fil-provinċja ta’ Varese.
Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li, għal ħabta tal-ħamsa ta’ wara nofsinhar, il-karozza li fiha kien hemm il-politikant ta’ ħamsin sena ħabtet ġo karozza oħra li fiha kien hemm tliet persuni.
Din il-karozza kienet wieqfa minħabba xi ħsarat. Buonanno ħalla warajh żewġt itfal subien u lil martu, li fil-ħin tal-inċident kienet passiġġiera u sofriet xi ġrieħi. Hija ddaħlet l-isptar ta’ Busto Arsizio u ġiet iċċertifikata li ma tinsabx fil-periklu tal-mewt. Huwa kien Sindku ta’ Borgosesia, il-post fejn twieled. Fil-passat serva wkoll bħala Sindku ta’ Serravalle u Varallo.
Ftit tal-jiem ilu, Buonanno kien f’Milan jattendi għall-attivita nazzjonali tal-Lega Nord. Politikant kemmxejn kontroversjali hekk kif kemm-il darba deher jitkellem fuq it-televiżjoni b’pistola f’idejh. Dan għax kien il-metodu tiegħu meta jiġi biex jitkellem dwar is-sigurta u d-difiża.