Dalgħodu l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi ħabbar miżuri ġodda li se jagħmluha aktar faċli għal professjonisti legali jaħdmu b’aktar ħeffa, kumdità u effiċjenza.
Sa llum l-atti kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ kawżi quddiem il-Qorti tal-Magistrati huma scanned u aċċessibbli online, kemm għall-avukati mil-Lecam online u kemm għaċ-ċittadin mill-MyActs.
Minn Mejju ta’ din is-sena beda l-iskenjar tal-atti li jiġu ppreżentati fil-kawzi fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. F’din il-Qorti hemm volum kbir ta’ dokumenti li jiġu ppreżentati u għalhekk hemm sfidi akbar li qed jingħelbu. Il-Ministru Bonniċi spjega li beda l-iskanjar ta’ kull att li daħal mill-1 ta’ Mejju 2016.
Il-ħieb hu li l-iskanjar imur lura, iżda hemm ħafna dokumenti u se jsir kollox b’ordni biex ma titfixkilx l-andament tal-kawżi. Matul l-2015 gew ippreżentati aktar minn 20,000 dokument li ghandu x’jaqsam mal-kawzi ta’ din il-Qorti. Dawn l-20,000 dokument jikkonsistu f’rikorsi ġuramentati, risposti ġuramentati, taħrikiet ta’ xhieda u noti tas-sottomissjonijiet for oħrajn. L-iskanjar ser iwassal biex jiġu evitati inċidenti fejn proċess ma jinstabx u jekk dan jiġri jkun ferm aktar faċli li jinġiebu lura d-dokumenti, għaliex ir-Reġistru tal-Qorti jkollha l-kopja skanjata. Kull persuna li f’isimha jkun gie pprezentat dak id-dokument ikollu access għalih.
Il-Ministru Bonnici qal li fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju ser jkun introdott servizz ġdid ieħor. Fl-eActs ser jiżdied servizz ġdid għall-professjoni legali li permezz tiegħu jkunu jistgħu jippreżentaw onlajn l-ittri uffiċjali. B’hekk l-avukati u l-prokuraturi legali se ikunu jistgħu jippreżentaw ittri uffiċjali – li fihom ma hemmx bżonn tal-ġurament – fir-Reġistru tal-Qorti mingħajr il-ħtieġa li jkunu preżenti fir-Reġistru jew li r-Reġistru jkun miftuħ. Dan ser ikun jgħodd kemm għal Malta kif ukoll għal Għawdex.
L-ittra uffiċjali hija dokument li jiġi ppreżentat il-Qorti u l-użu tiegħu huwa biex persuna żżomm sħiħ il-jeddijiet tagħha. Matul is-sena li għaddiet ġew ippreżentati 8,486 ittra uffiċjali fir-Reġistri ta’ Malta u t’Għawdex.
Hekk avukat jew prokuratur legali li jkun irid jippreżenta ittra sa qabel l-għeluq tal-ħin tar-Reġistru, u ma jkunx jista’ jkun fiżikament possibbli li jkun preżenti fir-Reġistru ġol-Belt, ikun jista’ jippreżentaha mill-uffiċċju tiegħu u b’hekk jevita li jidħol il-qorti bil-possibilità li jkun għalaq ir-Reġistru.
Il-Ministru qal li b’hekk qed ikomplu jkunu simplifikati proċeduri li qabel kienu jistgħu jsiru biss b’mod manwali. Għaraf li dan kollu qed isir bil-għajnuna tal-impjegati tal-MITA. “Ser inkomplu nintroduċu riformi f’kull qasam tal-ġustizzja li l-għan aħħari tagħhom huwa li nħaffu l-proċess ġudizzjarju” temm jgħid il-Ministru.