L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Crohn’s u l-Colitis, Malta Association of Crohn’s and Colitis (MACC) qed tfakkar il-Ġurnata Dinjija tal-IBD 2018, iccelebrata mad-dinja kollha nhar is-Sibt, 19 ta’ Mejju, permezz ta’ wirja ta’ posters fuq l-IBD fil-Foyer tal-Isptar Mater Dei mill-10 sat-21 ta’ Mejju. L-IBD, li hija t-taqsira ta’ Inflammatory Bowel Disease, tikkonsisti fil-mard ta’ Crohn u l-kolite ulċeroża.
L-għan ewlieni ta’ din il-wirja huwa li jitkattar l-għarfien fuq dawn iż-żewġ kundizzjonijiet u li tipprovdi għajnuna u appoġġ għal dawk li jsofru mill-IBD. Il-leaflets informattivi fuq l-IBD u l-MACC, l-assoċjazzjoni lokali tal-pazjenti, se jkunu jistgħu jittieħdu mill-istand.
Apparti din il-wirja u biex titfakkar din il-gurnata specjali, nhar is-Sibt, 19 ta’ Mejju fil-ghaxija, il-Bieb tal-Bombi ser jinxteghel vjola, il-kulur assocjat ma’ l-IBD. Anke l-funtana tat-Tritoni ser tinxteghel vjola imma fit-12 ta’ Mejju flok fid-19 ta’ Mejju ghaliex f’din id-data, il-funtana ser ikollha xi manutenzjoni ppjanata b’mod regolari.
Huwa stmat li l-IBD taffettwa mal-ħames miljun ruħ mad-dinja kollha. Il-marda ta’ Crohn u l-kolite ulċeroża jaffettwaw b’mod dirett is-sistema diġestiva u jikkawżaw l-infjammazzjoni tal-intestini billi jiffurmaw nfafet li jdemmu malajr. La hemm kura, la nafu l-kawżi u l-pubbliku ftit li xejn jaf fuq l-uġigħ kroniku li l-pazjenti li jsoffru mill-IBD ikollhom jaffaċċaw b’mod kuraġġuż f’ħajjiethom ta’ kuljum.
Wara diskussjonijiet li saru fis-sena 2009 fost organizzazzjonijiet tal-pazjenti tal-IBD minn 27 pajjiż minn erba’ kontinenti, kienet ittieħdet id-deċiżjoni li tibda tiġi ċċelebrata l-Ġurnata Dinjija tal-IBD ta’ kull sena fid-19 ta’ Mejju. L-għan prinċipali tal-Ġurnata Dinjija tal-IBD li saret għall-ewwel darba fis-sena 2010 huma:-
– biex jiġi mgħoddi sens ta’ solidarjeta globali għall-pazjenti tal-IBD
– biex il-midja tkun taf in-numru u l-issues li jikkonċernaw il-pazjenti tal-IBD
– biex tħeġġeġ lill-pazjenti biex jiltaqgħu u jieħdu parti fl-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tagħhom
– biex iżżid l-għarfien fost il-professjonisti tas-saħħa dwar l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-Crohn’s u l-Colitis
– biex isir xogħol ma’ soċjetajiet u organizzazzjonijiet professjonali tal-kura tas-saħħa
– biex tiġi mwaqqfa websajt tal-Ġurnata Dinjija tal-Pazjenti tal-IBD b’links ma’ assoċjazzjonijiet tal-IBD
– biex tiġi preparata gwida ta’ viżjoni globali u mission policy statement primarjament dwar ir-riċerka, it-trattament u issues personali relatati mal-IBD, xogħolijiet, edukazzjoni eċċ
L-għanijiet prinċipali tal-MACC huma li toffri appoġġ għall-persuni, u qraba ta’ persuni li jsoffru mill-marda ta’ Crohn u l-Kolite Ulċeroża (IBD), li tgħinhom itejbu l-kwalità tal-ħajja u li żżid l-għarfien fost il-pubbliku fuq dawn il-kundizzjonijiet kroniċi. L-MACC għandha wkoll l-intenzjoni li tippromwovi l-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-pazjenti u li tħeġġeġ u tippromwovi r-riċerka.
Għall-aktar informazzjoni u kjarifiki dwar l-MACC u din l-attività, wieħed jista’ jikkuntattja l-MACC fuq l-imejl: info@macc.org.mtjew jidħol fil-websajt tal-MACC fuq http://www.macc.org.mt jew Mobile: 99303964