Tliet persuni tilfu ħajjithom wara li maltempati kbar fl-Awstralja għarrqu xmajjar u bajjiet u qalgħu siġar minn posthom fil-kosta tal-Lvant.
Xita u rih ħakmu wkoll New South Wales fin-nofsinhar tal-pajjiż, kif ukoll Victoria u Tasmania. Hawn hu maħsub li qed jaffaċjaw l-agħar għargħar li qatt kien hemm f’deċenni.
Il-bajja Collaroy f’Sydney qed tittiekel mill-ilma, tant li kellhom jiġu evakwati d-djar lussużi li hemm magħha – djar li jiswew il-miljuni u li issa jinsabu fil-periklu li jiġġarfu.
Fi New South Wales, 86,000 persuna ma kelliex elettriku tul tmiem il-ġimgħa.
Nhar it-Tnejn filgħodu, ħin Awstraljan, raġel ta’ 37 sena nstab mejjet wara li nqabad fl-għargħar ħdejn xmara. Raġel ieħor ta’ 65 inqabad fil-karozza, u ieħor inqatel meta kien qed jagħmel xi xogħol.