Il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li fl-aħħar snin Malta għamlet progress enormi fis-servizz ta’ childcare affordabbli għal tfal ta’ ftit xhur sa tliet snin.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea janalizza s-sitwazzjoni tal-pajjiżi fl-2016 dwar l-għanijiet ta’ Barcelona fosthom dwar is-servizz taċ-childcare u kemm hu affordabbli għall-familji Ewropej.
Waqt li nnotat li fl-aħħar snin ħafna pajjiżi Ewropewj laħqu l-mira ta’ tlieta u tletin fil-mija u żiedu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni Ewropea qalet li Malta u r-Rumanija għamlu progress enormi biex jilħqu l-għanijiet tagħhom.
Statistika ppubblikata fl-istess rapport turi li mindu l-Gvern daħħal is-servizz ta’ chilcare bla ħlas għall-familji Maltin u Għawdxin, Malta rreġistrat qabża enormi ’l fuq fl-għadd ta’ ġenituri li jibagħtu lil uliedhom f’ċentru għall-ħarsien tat-tfal.
Fil-fatt ir-rapport juri kif mill-elfejn u ħdax (2011) kien hemm żieda qawwija fl-għoti tas-servizz taċ-childcare għal tfal taħt it-tliet snin f’għadd ta’ pajjiżi.
Madankollu jgħid li l-akbar żieda seħħet f’Malta b’żieda ta’ 20 fil-mija minn ħdax fil-mija fl-2011 għal 31 fil-mija matul l-2016.
Dan ifisser li fi ftit snin Malta tinsab tarġa ’l bogħod milli tilħaq il-mira ta’ 33 fil-mija li tmur lura għall-2002.
Ir-rapport żied jinnota d-differenza li ħadu l-Gvernijiet Ewropej biex iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Fost oħrajn issemmi kif Malta hija fost l-uniċi pajjiżi li qed tipprovdi s-servizz ta’ child care bla ħlas għal tfal li l-ġenituri tagħhom qegħdin jaħdmu jew jistudjaw.
Qalet li l-Gvern Malti jħallas l-ispejjeż kull xahar u l-ġenituri għandhom l-opportunità li jibagħtu lil uliedhom f’childcare tal-għażla tagħhom u jibbenefikaw minn servizz bla ħlas.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li statistika riċenti turi diġà li s-servizz ta’ childcare bla ħlas żied il-parteċipazzjoni tal-ommijiet fis-suq tax-xogħol u hemm pjani biex dan is-servizz ikompli jiġi estiż.