Waqt żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika f’Settembru tal-2017, il-President tal-Qorti tal-Awdituri tar-Repubblika tas-Slovenja Tomaž Vesel u l-Awditur Ġenerali Charles Deguara,, iddiskutew modi ta’ kif tista’ tissaħħaħ b’mod prattiku l-koperazjoni bejn iż-żewġ istituzzjonjiet involuti fil-qasam tal-verifika pubblika.
Iċ-ċirkostanzi komuni li jeżistu kemm f’Malta kif ukoll fis-Slovenja: tnejn mill-iżgħar pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-missjoni, l-obbligazzjonijiet u l-objettivi tagħhom, li huma prattikament identiċi, għenu mhux ftit biex jintlaħaq ftehim li permezz tiegħu jingħata bidu għal skema fejn awdituri miż-żewġ uffiċċji jingħataw l-opportunità li jmorru jaħdmu għand xulxin. B’hekk ikunu esposti għal żmien qasir għal prattiki, metodoloġiji, u proċeduri adottati fl-entità l-oħra. Dan iwassal għal għarfien aħjar u aktar effettiv tal-prattiki tajba użati f’kull uffiċċju.
Dan il-ftehim ta’ koperazzjoni ġie ffirmat fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika lokali fil-Furjana bejn Tomaž Vesel u Charles Deguara li t-tnejn enfasizzaw ir-relazzjoni eċċellenti li teżisti bejn iż-żewġ uffiċċji. Id-Deputat Awditur Ġenerali fl-NAO Noel Camilleri, u l-Kap tas-Sezzjoni tar-Relazzjonijiet Internazzjonali Brian Vella, flimkien mal-Kap tal-Uffiċċju Privat tal-President tal-Qorti tal-Awdituri Dijana M. Zupanc, u l-Kap tal-Relazzjonijiet Pubbliċi Helena Lovše, kienu wkoll preżenti.
Attendew ukoll l-ewwel żewġ awdituri li pparteċipaw f’din l-inizjattiva ġdida, Simona Bevk mill-Uffiċċju tas-Slovenja, u Michelle Borg Brincat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta’ Malta.