Bis-saħħa tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Tom Palmer, awtur Ingliż ta’ 43 ktieb tat-tfal, għamel żjara f’Malta bejn l-1 u l-4 ta’ Mejju 2018. Palmer huwa awtur ta’ kotba tat-tfal fuq l-isports. Stqarr pubblikament bosta drabi li kienu l-artikli fuq il-logħba tal-ballun li fi tfulitu ħajruh jinnamra mal-qari. Fil-mawra tiegħu f’pajjiżna, l-awtur iltaqa’ mal-għalliema u l-istudenti li qegħdin jieħdu sehem fil-programm “Bil-Qari u l-Kitba Niskorja” u magħhom tkellem dwar il-litteriżmu u strateġiji li jistgħu jħeġġu lit-tfal jaqraw aktar.
Tliet edukaturi Maltin tal-istess programm kienu ltaqgħu ma’ Tom Palmer iktar kmieni matul din is-sena waqt mawra ta’ osservazzjoni fi Scunthorpe l-Ingilterra. Hemmhekk huma kellhom ix-xorti josservaw sessjoni tar-Reading Stars li mexxa l-istess awtur fl-istadium ta’ Scunthorpe United.
Matul il-mawra tiegħu f’Malta, Tom Palmer ta preżentazzjoni u workshop dwar l-isport u l-litteriżmu lit-Timijiet tal-Litteriżmu tal-kulleġġi Maltin u Għawdxin. Huwa żar iċ-ċentri ta’ “Bil-Qari u l-Kitba Niskorja”: fl-iskola primarja ta’ Ħal Safi tal-Kulleġġ San Benedittu, l-iskola primarja ta’ San Ġwann tal-Kulleġġ Santa Klara u l-iskola primarja ta’ Ħal Qormi San Bastjan tal-Kulleġġ San Injazju. Tom Palmer ipparteċipa wkoll f’attività tal-Ambaxxaturi tal-Qari fl-iskola primarja ta’ Ħal Luqa tal-Kulleġġ San Injazju u osserva sessjoni ta’ darba ta’ dan l-istess programm fl-iskola primarja tax-Xgħajra. Palmer wera l-imħabba li għandu għall-qari u l-futbol waqt sessjoni speċjali li għamel mat-tfal li diġà bbenefikaw mill-istess programm. Din is-sessjoni kienet tikkonsisti fi kwiżż dwar silta li qraw it-tfal u għoti ta’ penalties.
Il-Programm “Bil-Qari u l-Kitba Niskorja” tnebbaħ mill-“Premier League Reading Stars” (PLRS) li fl-Ingilterra huwa organizzat min-National Literacy Trust, il-Premier League Association u l-British Council. F’pajjiżna l-programm qiegħed isir mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bl-appoġġ tal-Malta Football Association (MFA), Sport Malta u s-Segretarjat Parlamentrari għaż-Żgħażagħ, Sport u Organizzazzjonijiet Volontarji.