Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħallas €65,000 oħra f’taxxa f’pagament wieħed.
Pagament li sar fl-aħħar jiem; biex fi żmien xahar, Delia sab €130,000 fi flus kontanti x’jagħti lid-Dipartiment tat-Taxxa – bil-għan li jagħlaq il-kwistjonijiet kbar li għandu wara li għal diversi snin għażel li jinjora l-liġi u ġie jaqa’ u jqum mill-ħlas tat-taxxa tiegħu.
Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd, li rrapportat kif minħabba l-kritika li kien qed jaqla’ wara li sar Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia kellu jibda jħallas it-taxxa, u oriġinarjament kien wiegħed li se jagħmel hekk sa erba’ xhur ilu. Iżda mbagħad kien qal li għandu problema ta’ cash flow; anki jekk kien qal li jaqla’ €210 fis-siegħa.
Ironikament, il-ħlas ta’ €65,000 oħra f’daqqa sar fl-istess ġimgħa li l-gazzetti rrapportaw bi prominenza li fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu bħala Membru Parlamentari, Adrian Delia ddikjara li għandu mas-seba’ mitt elf ewro f’self xi jħallas.
F’dan ix-xenarju kollu qed iqumu mistoqsijiet kbar. Dan għax il-ġimgħa li għaddiet, il-KullĦadd irrapportat kif minn meta lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet sa meta beda jagħmel dawn il-pagamenti fi flus kontanti, Delia ma biegħ ebda kumpanija li allura seta’ qal li minnha daħlu dawn il-flejjes. Iktar mid-doppju ta’ dak li bħala Kap tal-Oppożizzjoni se jkun qed jaqla’ f’sena waħda. U huwa għalhekk li qed jitqajmu mistoqsijiet kbar. Sa issa l-uniku tip ta’ risposta li ta Delia kien fil-programm Realtà li meta magħfus għal darba tnejn mill-preżentatur tal-programm Brian Hansford qal li kien hemm klijenti li kien baqgħalhom jagħtuh. Iżda, la qal kemm, la qal min u lanqas ippubblika xi fatturi jew irċevuti biex jipprova dak li kien qed jgħid.
L-ewwel allegazzjonijiet serji ħafna dwar kif Adrian Delia kien imexxi l-kwistjonijiet finanzjarji tiegħu u l-assoċjazzjoni ta’ negozju li kellu saru minn Daphne Caruana Galizia. Hu dejjem ċaħad dak li qalet fil-konfront tiegħu iżda qatt ma laqa’ l-isfida li jitlob inkjesta maġisterjali dwaru. Saħansitra dawn l-allegazzjonijiet kienu waslu biex saret investigazzjoni fil-Partit Nazzjonalista u l-Eks Kap Simon Busuttil kien wasal biex qal li kien messu rtira l-kandidatura tiegħu. B’hekk dawn il-manuvri u din l-aħbar mistennija tkompli żżid il-pressjoni interna.