Il-proposti li ressaq ftit ilu l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol favur il-lingwa Maltija tfasslu speċifikament biex jilħqu iżjed lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna li matul is-snin tħallew jaqgħu lura.
Il-Ministeru qed jiddeċiedi favur it-tisħiħ tat-tagħlim tal-Malti u biex aktar studenti jiksbu l-ħiliet neċessarji fit-tħaddim tajjeb tal-Malti.
Min illum il-ġurnata sejjer tajjeb u jġib iċ-ċertifikazzjonijiet neċessarji fis-sillabu u l-eżami SEC mhu ser jara l-ebda tibdil.
Il-Ministeru jrid li aktar studenti jmorru tajjeb flimkien ma’ dawk li llum huma parti mill-61% li jirnexxilhom juru li kisbu l-ħiliet fil-livell SEC. Iżda hemm oħrajn li mhux qed jiksbu ħiliet, l-anqas bażiċi, fil-Malti.
Għandna madwar 39% tal-istudenti ta’ 15-il sena li qed isibu alternattivi li lilhom ukoll jirnexxilhom iwassluhom sabiex jiksbu sew il-ħiliet fil-Malti.
Għalhekk, il-Ministeru qed jgħid li jiġu offruti programmi adattati ta’ kwalità u f’rata’ ta’ stima, (u mhux one-size-fits-all), u li huma ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet li r-riċerka edukattiva qed toffri.
Irridu naraw Malti iktar relevanti, attwali, frisk, u ħaj għall-istudenti kollha ta’ pajjiżna. Il-ħsieb li jsir programm ta’ Malti applikat li jwassal sat-tielet livell tal-Qafas Malti tal-Kwalfiċi (MQF) kien irrakkomandat lil Malta minn esperti mqabbda mill-Kunsill tal-Ewropa biex jistħarrġu s-sitwazzjoni tal-lingwi f’pajjiżna.
Il-Ministeru jfakkar li l-Malti vokazzjonali ilu snin jitħaddem b’suċċess fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST), u permezz tiegħu eluf ta’ studenti laħqu t-tielet livell tal-MQF u b’hekk irnexxielhom jiksbu l-ħiliet fil-Malti, kienu kapaċi jsibu xogħol, jew saħansitra komplew jistudjaw f’livell ta’ edukazzjoni post-sekondarju u anke terzjarju.
Il-Ministeru jixtieq iserraħ moħħ kulħadd li l-Malti SEC kif inhu bħalissa u li jasal sat-tielet livell tal-MQF se jibqa’ u se jkompli jissaħħaħ bis-sehem ta’ esperti minn oqsma differenti inkluż mill-iskejjel, mid-Dipartiment għall-Edukazzjoni, u mill-Università. Madankollu, il-Qafas Malti tal-Kwalifiċi kif irregolat mil-liġi Maltija jagħti l-possibilità li wieħed jasal għat-tielet livell tal-MQF permezz ta’ rotot differenti.
Dan huwa dak li se jsir permezz tas-suġġett tal-Malti applikat. Fil-ġimgħat li ġejjin il-Ministeru ser iħabbar il-qafas tar-rotta applikata li fih se jitħaddem is-suġġett tal-Malti applikat. Dan għandu jserraħ moħħ kulħadd li ż-żewg rotot ta’ Malti SEC u Malti applikat ser ikunu kumplimentari għal xulxin u se jservu biex isaħħu ferm iktar it-tagħlim tal-Malti f’pajjiżna.