Waqt żjara li għamel fl-uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’Birkirara, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon ħabbar li mis-Sibt 5 ta’ Mejju 2018, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali se jestendi s-servizzi tiegħu lill-pubbliku nhar ta’ Sibt.
Il-Ministru Falzon qal li dan is-servizz se jibda jingħata f’sitt distretti madwar Malta, li jinkludu l-uffiċini tas-Servizz.gov tal-Birgu u ta’ Ħal Qormi kif ukoll l-uffiċini distrettwali tas-sigurtà soċjali ta’ Raħal Ġdid, tal-Belt Valletta, ta’ Birkirkara u tal-Qawra. Is-servizz se jingħata bejn it-tmienja ta’ filgħodu u nofsinhar u se jibqa’ jiġi mogħti matul is-sena kollha, inkluż fis-sajf.
Il-Ministru qal li dan huwa mod ieħor ta’ kif aktar servizzi se jkunu qrib in-nies għaliex hemm min ma jkunx possibli għalih li jmur biex jinqeda matul il-ġimgħa.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Mark Musù qal li din il-miżura kienet waħda mill-Key Performance Indicators tal-ministeru li qed tkun imwettqa.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jagħti s-servizzi tiegħu lill-klijenti minn 22 uffiċċju distrettwali f’Malta kif ukoll minn żewġ uffiċini distrettwali f’Għawdex. Minbarra dan, uffiċjali tad-dipartiment iżuru u jagħtu s-servizz ukoll minn għadd ta’ kunsilli lokali kif ukoll mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.