Il-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-iskema ta’ rifużjoni tal-flixken tax-xorb- bil-għan li jonqos l-iskart fl-ambjent kif ukoll sabiex sal-2025 Malta tilħaq il-mira ta’ 50% u aktar fir-riċiklaġġ.
Marc Muscat, konsulent fil-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima spjega li b’din l-inizjattiva, il-konsumatur malli jixtri l-prodott jagħmel depożitu ta’ 10 ċenteżmi u malli jirritorna l-flixkun f’waħda minn tliet mija u ħamsin magna apposta li ser ikunu mifruxin madwar Malta u Għawdex, ser ikun qed jingħata rifużjoni tiegħu permezz ta’ kupuni.
Din ir-rifużjoni ser tapplika biss għal dawk il-fliexken li fuqhom sar id-depożitu kif ukoll li jkollhom tabella għal tal-apposta b’barcode sabiex b’hekk ma jkun hemm ebda lok għal frodi.
Dan id-depożitu ser japplika fuq kontenituri tal-ilma, ilma bit-togħma, xarbiet tal-frott, luminati kif ukoll dawk alkoħoliċi li ma jeċċedux l-10% fil-volum tal-alkoħol li jinsabu f’kontenituri tal-plastik, tal-ħġieġ kif ukoll tal-metall.
Is-Sur Muscat semma kif permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika, ser ikun qed isir l-aħħar irfinar ta’ din il-politika bil-għan li sal-aħħar tas-sena d-dieħla din l-inizjattiva tidħol fis-seħħ.
Mistoqsi dwar il-għala din is-sistema hija bbażata fuq kontenituri tax-xorb, Marc Muscat spjega li dawn huma fost l-aktar ikkunsmati u mormija fil-madwar u fl-istess waqt huma l-aktar li jitnaddfu malajr hekk kif dawn għandhom l-inqas traċċi ta’ residwu.
Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera qal li jeħtieġ li jintlaħqu miri ambizzjużi imposti mill-Unjoni Ewropea.
Dr Herrera spjega li l-pjan qed jipproponi li sal-ewwel sena tal-operat ta’ din l-iskema l-operatur jiġbor mas-sebgħin fil-mija tal-ammont totali ta’ kontenituri li jitpoġġew fis-suq.