Is-Siġġiewi, Ħal Qormi u Ħal Kirkop huma tlieta fost l-għoxrin lokalita li ser jieħdu sehem fir-raba’ edizzjoni tal-Festa tan-Nar Tradizzjonali.
Ta’ kull sena, Festa Nar tagħġen flimkien il-ħiliet ta’ għoxrin kamra tan-nar li jgħamlu parti mir-Reġjun tan-Nofsinhar biex f’ lejla waħda jimlew is-smewwiet bil-kuluri u d-disinji pirotekniċi.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonniċi saħaq li din hija opportunita biex iktar dilettanti tan-nar jesebixxu l-ħiliet tagħhom. Żied jgħid li attivitajiet bħall dawn li huma mtella mir-Reġjuni huma finanzjati mill-flus miġbura mill-kontravenzjonijiet hekk kif persentaġġ mill-ħlas taċ-ċitazzjonijiet qiegħed imur f’fond għal attivitajiet tal-kultura.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis stqarr li huwa mportanti li l-kultura li ksibna mingħand missirijietna nżommuha ħajja u din hija waħda mill-attivitajiet li tagħmel dan.
B’ rabta mal-ħidma fuq ir-riforma tal-Kunsilli Lokali, Silvio Parnis stqarr li għaddejjin pjanijiet biex ir-Reġjuni jiġu riformati wkoll biex ikunu jistgħu jaħdmu b’budgets dedikati għalihom. Stqarr li dan huwa verament dak li għandhom bżonn il-Kunsilli Lokali biex jaħdmu id f’id u jisaħħu.
Fi kliem il-President tar-Reġjun tan-Nofsinhar Jesmond Aquilina, din l-attivita tiġbor fiha rekord ta’ kmamar tan-nar li flimkien jagħtu s-sostenn tagħhom għal attivitá waħda.
Is-segretarju Eżekuttiv Elizabeth Vassallo stqarret li din l-attivita daħlet fil-kalendarju ta’ dan ir-reġjun u hija attivita li ta’ kull sena kulħadd ikun qed jistenna.
Din l-attivita ser issir nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju fil-Bypass tal-Imqabba.