Il-proġett ta’ ħames mitt appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdid b’investiment ta’ ħamsin miljun ewro li ħabbar il-Prim Ministru Joseph Muscat f’Jum il-Ħaddiem, se jkun mifrux fuq tnejn u għoxrin sit fi tlettax-il lokalità.
F’intervista ma’ ONE News, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, m’eskludiex li b’tibdil fil-pjanti, ir-residenzi jistgħu jiżdiedu.
Galdes sostna li “Il-fond tal-IIP laqa’ t-talba tal-Gvern, se jalloka ħamsin miljun ewro li huma ammont sostanzjali li fil-housing ilna ma narawh għexieren ta’ snin u allura b’hekk issa fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed noħorġu l-ewwel tenders biex jibda t-tħaffir.”
Ix-xogħol ta’ ppjanar jinsab fi stadju avvanzat hekk kif ħafna mill-permessi diġà lesti u jonqos biss li jkunu emendati l-pjanti.
Biex it-tħaffir jista’ jibda mal-ewwel hekk kif diġà jitħejjew it-tenders pubbliċi.
Spjega li “Se jkun hemm xogħol f’madwar 13-il lokalita ġdida oħra, madwar 22 sit u jfisser għalhekk li l-istokk tad-djar tal-Gvern ġodda matul is-snin li ġejjin se jkun qed jitla’ għal 1,200 appartament.”
Dan mhuwhiex proġett iżolat. Is-sena li għaddiet tħabbar proġett ieħor ta’ housing b’investiment ta’ tmienja u ħamsin miljun ewro; li se jfisser il-bini ta’ sitt mija u tmenin residenza għal dawk l-aktar vulnerabbli.
Is-Segretarju Parlamentari qal li fil-jiem li ġejjin se jkun sar xogħol ta’ skavar fis-siti kollha, hekk kif sitta diġà lesti, għaddej ix-xogħol fuq sitta oħra, u fuq l-erbgħa l-oħra se jibda dalwaqt.
Ix-xogħol ta’ skavar fuq is-siti f’Ħ’Attard, f’Ħal Kirkop, fil-Qrendi u f’Ħaż-Żebbuġ jinsab lest, filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq is-siti f’Birkirkara, fis-Siġġiewi, fiż-Żurrieq, u f’partijiet oħra ta’ Ħal Kirkop, tal-Qrendi u ta’ Ħaż-Żebbuġ.
SIT | GĦADDEJ IX-XOGĦOL | L-ISKAVAR LEST |
ATTARD | ✓ | |
BIRKIRKARA | ✓ | |
BORMLA | IMMINENTI | |
KIRKOP A | ✓ | |
KIRKOP B | ✓ | |
KIRKOP C | ✓ | |
KIRKOP D | ✓ | |
LUQA | ||
MSIDA | ||
QRENDI A | ✓ | |
QRENDI B | ✓ | |
QRENDI C | ||
SIĠĠIEWI | ✓ | |
ŻEBBUĠ A | ✓ | |
ŻEBBUĠ B | ✓ | |
ŻURRIEQ | ✓ |
Galdes qal li “Din il-ġimgħa jagħlqu l-ewwel tliet tenders tal-bini jiġifieri issa minn stadju ta’ skavar se nibdew nibnu allura meta qegħdin jgħalqu tliet tenders tal-bini jfisser li ftit tal-ġranet oħra tibda tiela’ l-ġebla biex fi ftit tas-snin dawn ikunu lesti wkoll.”
Il-mira wara dan kollu hija li tonqos kemm tista’ l-lista ta’ stennija sabiex dawk l-aktar vulnerabbli jingħataw lura d-dinjità li tistħoqqilhom – b’akkomodazzjoni affordabbli iżda adekwata.
Galdes qal li “Il-frott ta’ din il-ħidma issa nibdew narawha mhux issa fl-immedjat għax iridu jinbnew l-appartamenti imma fi żmien sentejn tliet snin oħra jkollna l-appartamenti ħalli dawk in-nies li ilhom jistennew, dawk in-nies li għaddejjin minn problemi fis-suq tal-kerha, mard, jew ma jistgħux isiru sidien ta’ djarhom, il-Gvern jidħol jintervjeni.”