Permezz ta’ sistema ġdida t’applikazzjoni onlajn, l-Awtorità tal-Artijiet qed tipproċessa applikazzjonijiet ġodda.
Permezz ta’ tweġiba parlamentari, il-Ministru responsabbli mill-Infrastruttura Ian Borg intqal li fl-elfejn u sbatax ġew proċessati madwar elfejn applikazzjoni, li l-maġġoranza tagħhom għaddew għall-iskrutinju tal-Bord tal-Awtorità.
L-Awtorità tal-Artijiet ġiet stabbilita bil-għan li tiżgura l-aħjar użu tal-art kollha tal-Gvern.
Fil-Parlament, il-Ministru Ian Borg spjega li fi ħdan l-Awtorità ssaħħaħ id-dipartiment tal-Customer Care u matul is-sena l-għaddiet ġew indirizzati aktar minn sittax-il elf u tminn mitt każ individwali.
Sabiex issir simplifikazzjoni tal-proċessi fi ħdan l-istrutturi u titnaqqas il-burokrazija, l-Awtorità tal-Artijiet bdiet proġett ġdid ta’ scanning ta’ dokumenti sabiex dawn jiġu diġitalizzati.
Il-Ministru Ian Borg spjega kif l-Awtorità tal-Artijiet għandha aktar minn mitejn u ħamsin elf file li fihom hemm aktar minn ħamsa u għoxrin miljun dokument li qed jiġu analizzati u proċessati flimkien ma’ files u dokumenti ġodda li qed jiġu ġġenerati.
Fid-dawl ta’ dan il-proġett importanti, l-Awtorità daħlet fi ftehim mal-MaltaPost biex twettaq parti minn dan il-proġett li għandu l-għan li jtejjeb l-operat tal-Awtorità tal-Artijiet.