L-iskola Sekondarja Santa Klara f’Pembroke ħarġet il-ktieb Kellimni – Let’s Talk bil-għan li jservi ta’ għodda siewja għall-istudenti barranin li jgħixu Malta biex flimkien mal-għalliema, sħabhom u qraba tagħhom jibdew jitgħallmu kliem u frażijiet bażiċi li jgħinuhom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Il-ktieb li fih erba’ temi u bosta frażijiet sempliċi bil-Malti u bl-Ingliż fih bosta illustrazzjonijiet biex jgħinu lill-istudenti barranin jifhmu aħjar oġġetti jew sitwazzjonijiet ta’ kuljum.
Il-Kap tal-Iskola Mary Rose Leone spjegat il-ħtieġa wara din l-inizjattiva li se tgħin mijiet ta’ studenti barranin li ġejjin minn 43 pajjiż differenti minn madwar id-dinja biex fost oħrajn idommu kelma ma’ oħra u jsenslu frażi ma’ oħra.
Fi kliem l-awturi ta’ dan il-ktieb l-għalliema Caroline Scriha kif ukoll Sharon Micallef Cann, il-ktieb ser isservi ta’ għodda sabiex dawn l-istudenti jkunu jistgħu jesprimu ruħhom b’lingwa oħra u fl-istess waqt iħossuhom parti integrali ma’ sħabhom.
Apparti l-komunikazzjoni, l-għalliema Sharon Micallef Cann saħqet illi permezz ta’ dan il-ktieb, l-istudenti ser ikollhom ukoll l-opportunità li jħejju ruħhom sabiex jifhmu l-bażiku tal-Malti u l-Ingliż.