Is-Sibt, tmienja u għoxrin t’April elf disa’ mija tmienja u ħamsin.
Dakinhar il-General Workers Union ordnat strajk ġenerali wara li ġimgħa qabel, il-Gvern ta’ Mintoff irriżenja hekk kif l-Ingliżi bdew jagħtu s-sensji minn mas-servizzi Ingliżi.
Dan kien magħruf bħala r-Run Down li ġie wara li t-taħditiet dwar l-integration ta’ Malta mar-Renju Unit sfumaw fix-xejn.
Dik il-ħabta, il-Perit Dom Mintoff kien għamel appell imqanqal.
“Quddiem Alla għandna raġun. Issa sta għalina li dan ir-raġun nieħduh ukoll mingħand in-nies ta’ din id-dinja. Jekk inkunu ġwejjed aħna, jisħtuna wliedna u wlied uliedna. Illum waslet is-siegħa meta kull Malti jrid bil-fatti juri li Malta, għalina, tiġi l-ewwel u qabel kollox.”
Il-Gvern ta’ Mintoff li kien favur l-Integration biex jgħolli l-livell tal-għajxien tal-Maltin għal dak li kellhom l-Ingliżi kien għadda riżoluzzjoni fil-Parlament li baqgħet magħrufa bħala l-Break with Britain Resolution.
F’dawn iż-żminijiet komplew jissaħħu s-sentimenti lejn il-ħelsien t’artna mill-ħakkiem barrani.
L-eks Ministru Reno Calleja qal li “Jekk dan iġġieled għall-integration, qalli ehhhhh, qalli ara l-programm elettorali u tara x’kien jgħid; Jew bħalkom, jew mingħajrkom. Jiġifieri Mintoff ġa kellu dak il-pjan, illi jekk l-Ingliżi ma jtuniex l-Integration, u l-Integration riedha għax ħaseb illi l-poplu Malti jista’ javvanza bħal dak iż-żmien dakinhar. U minn hemm bdiet il-ġlieda għall-ħelsien.”
Sittin sena ilu Malta wriet id-dwejjaq u d-diżapprovazzjoni tagħha għal mod mhux xieraq li bih ġiet ittrattata mill-Gvern Ingliż.
Is-sitwazzjoni tant kienet prekarja li l-forzi tal-pajjiż ħarġu fit-toroq jagħtu bil-lembubi lil kull min ħareġ jipprotesta u saħansitra kaxkru fl-għases u lejn il-ħabs diversi nies fosthom lil Patrick Holland u Agatha Barbara.
L-eks Ministru Joe Debono Grech qal li “Ħarġu l-pulizija ta’ De Gray u kien hawn mhux kaos, kien hawn protest ta’ veru għall-ħelsien ta’ Malta. Dakinhar twieled il-moviment biex nibdew niġġieldu għal vera indipendenza ta’ Malta.”
Alfred Galea li kien apprentist it-Tarzna wkoll ħareġ jipprotesta u jirrakonta kif ommu qaltlu biex ma jdumx barra iżda ma kellux jkun.
Alfred irrakkonta “Qaltli Fred jekk toħroġ iddumx, qaltli qed nagħmillek ftit ross il-forn. Kiltu int ir-ross? Taf wara kemm kiltu r-ross? Wara sbatax-il ġurnata arrestat il-ħabs ta’ Kordin b’saqajja miksura, saqajja saritli daqshekk bil-lembuba, tmienja jtuni, tmienja jtuni ta.”