L-ewro-parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola ġiet imgiddba minn membru parlamentari Ewropew Ungeriż li skont Metsola ltaqa’ mal-Ministru Helena Dalli meta din kienet Brussel u keċċieha ‘l barra.
Waqt li konna fi Strassburgu fejn qed titlaqqa’ plenarja tal-Parlament Ewropew, ONE News mar fuq ras il-għajn u staqsa lil dan l-ewro-parlamentari jekk hux minnu li huwa keċċa lil Ministru Dalli waqt li kienu qed jiddiskutu s-saltna tad-dritt.
It-tweġiba skjetta u ċara tal-ewro-parlamentari Ungeriż tikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li kienet allegat l-ewro-parlamentari Nazzjonalista fuq programm tax-xandir nazzjonali.
Dan filwaqt li fuq l-istess programm il-Ministru Helena Dalli kienet irreaġixxiet u flimkien mal-aħħar dikjarazzjoni tal-ewro-parlamentari Ungeriż, giddbet lil Metsola.
Filwaqt li l-ewro-parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola tat x’tifhem li se ġġib il-provi, id-dikjarazzjoni ta’ dan il-membru parlamentari Ewropew Ungeriż iġġib fix-xejn dak li allegat Metsola. Ta’ min jinnota li dan il-membru parlamentari Ewropew jagħmel parti mill-blokk tal-Partit Popolari Ewropew, l-istess wieħed li tifforma fih Roberta Metsola.