Wara iktar minn sena u nofs ta’ ħidma, u b’investiment ta’ żewġ miljun ewro u nofs, ġie inawgurat uffiċjalment il-ġnien tal-Argotti fil-Floriana.
Fiċ-ċerimonja tal-ftuħ il-Ġimgħa filgħaxija, il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li lil hinn minn proġetti ekonomiċi, proġetti bħal dan tal-Argotti huma bżonnjużi ferm, biex il-familji Maltin ikollhom fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom għall-kwiet.
Il-Prim Ministru qal li f’pajjiżna għandna għadd ta’ ġonna, li l-Gvern hu fid-dmir li jippreserva u jieħu ħsieb – kif qed jagħmel, permezz tat-twaqqif ta’ Ambjent Malta, li se tkun inkarigata li tissalvagwardja l-wirt naturali ta’ pajjiżna, waqt li tkun responsabbli wkoll mis-siti ta’ natura elfejn.
Dr Muscat żied jgħid li minkejja l-kritika li l-Gvern jirċievi dwar il-qasam ambjentali, dan il-Gvern ħa għadd ta’ passi favur l-ambjent, fosthom l-għeluq tal-Power Station tal-Marsa, li kienet topera bl-iktar żejt li jniġġeż.
Il-Ministru għall-Ambjent, Josè Herrera, spjega li l-Gvern jinsab kommess li jipproteġi l-wirt naturali ta’ pajjiżna. Fakkar kif se jsiru diskussjonijiet, biex l-ambjent ta’ pajjiżna jiġi protett bl-ogħla liġi ta’ pajjiżna, bil-kostituzzjoni.
Minn naħa tiegħu, id-Direttur tal-Parks, Hermann Galea, li kien inkarigat mix-xogħolijiet, qal li din hi biss l-ewwel fażi tax-xogħolijiet.
Hu temm jgħid li waħda mill-isfidi kbar li sabu l-ħaddiema waqt ix-xogħolijiet, kienet li l-għeruq tas-siġar kienu qed jimbuttaw is-swar ‘l barra. Qal li waqt li riedu jiġu restawrati s-swar, ix-xogħol sar b’mod kawt biex anke jiġu salvati s-siġar tal-post.
Temm jgħid li issa jmiss xogħolijiet fuq il-ġonna ta’ San Filippu, tal-Milorda, u tal-Pinetu.