Il-General Workers’ Union fil-jiem li ġejjin se tkun qed toranizza attivitajiet marbuta mal-75 Anniversarju mill-ħolqien tagħha.
L-ewwel attività hija t-tifkira tas-60 Anniversarju mill-Istrajk Ġeneraliu Protesta Nazzjonali tat-28 ta’ April tal-1958. Din l-attività tkun tikkonsisti f’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri f’riġlejn il-mafkar tal-ħaddiema li fil-jiem ta’ wara l-istrajk kienu arrestati mill-Gvern Kolonjali għas-sehem tagħhom fil-protesta nazzjonali.
Iċ-ċerimonja se ssir illum il-Ġimgħa 27 ta’ April 2018 fil-Pjazza Antoine De Paul f’Raħal Ġdid. L-attività li tibda fil-5.00 pm tikkonsisti f’diskors mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u l-Komunità Silvio Parnis u mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.
It-tieni attività hija ċerimonja f’riġlejn il-Monument tal-Ħaddiem fl-Msida, nhar it-Tnejn 30 ta’ April 2018. F’din l-attività li se tibda fl-4.00 pm se jitħabbru ħewġ inizzjattivi marbuta mat-tema l-Futur Huwa Issa li qed tikkaratterizza s-sena attivitajiet fl-okkażjoni tal-75 Anniversarju tal-GWU.
Iċ-ċerimonja li tinkludi wkoll tqegħid ta’ fjuri f’riġlejn il-Monument tal-Ħaddiem tasal fi tmiemha b’diskors tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.