Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant qal lil grupp studenti mill-Kulleġġ tal-Ewropa fi Bruges li minħabba l-imprevedibbilita`, perċepita jew reali, tal-politika tal-President Donald Trump, l-Ewropej – inkluż dawk fil-Parlament Ewropew – qed isibuha aktar diffiċli biex ikollhom djalogu ma’ rappreżentanti tal-Istati Uniti li jistgħu jitkellmu b’mod awtoritevoli dwar perspettivi futuri tal-Istati Uniti.
Dr Sant qal li waqt li taħt l-amministrazzjoni ta’ Obama ir-relazzjonijiet tal-UE u l-Istati Uniti kienu bbażati fuq l-idea li l-interessi tat-tnejn kienu qrib xulxin, speċjalment l-interessi ekonomiċi u dawk tad-difiża, taħt il-Presidenza ta’ Trump dan ma baqax il-każ.
L-Ewroparlamentari tkellem dwar l-esperjenza tiegħu bħala parti mid-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-UE u semma l-isfidi ġodda li ġabet magħha l-amministrazzjoni ta’ Trump.
Dr Sant ħa sehem fi skambju ta’ ideat ma’ studenti u professjonisti żgħażagħ futuri mill-Kulleġġ tal-Ewropa fi Bruges. Il-Kulleġġ tal-Ewropa huwa istitut universitarju indipendenti għall-istudji Ewropej fil-livell ‘postgraduate’ mniedi fl-1949. L-okkażjoni immarkat il-ġimgħa nazzjonali Maltija-Għarbija, fejn kull reġjun fl-Ewropa ippreżenta l-kultura u t-tradizzjonijiet tiegħu.
Dr Sant, kif ukoll MEP Marlene Mizzi u MEP Francis Zammit Dimech ipparteċipaw f’din l-okkażjoni, fejn spjegaw il-ħidma fid-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom.
Il-laqgħa ntemmet bi skambju ta’ ideat mal-istudenti.