Għandi dispjaċir kbir li l-ewwel tarbija tiegħi kien stmat qisu oġġett. Dan kien kliem Martha, mara li f’dawn l-aħħar għaxar snin korriet ħames darbiet fosthom b’żewġt itrabi ta’ ħames u sitt xhur.
Bil-kundizzjoni tal-anonimità, Martha, isem fittizju, irrakkontat ma’ ONE NEWS li l-Knisja baqgħet ma rrikkonoxitx lil uliedha għax ma laħqux tgħammdu qabel mietu.
“Għad għandi dispjacir kbir li l-ewwel tarbija kien stmat qisu oġġett hemhekk kien stmat qisu oġġett mhux min jiffriża l-embrijuni, mhux min jagħmel is-surrogacy, mhux min jagħmel minn kollox biex isiru ġenituri qed jistma t-tarbija oġġett, huma stmawli lit-tifel tiegħi oġġett meta m’aċċettawhx ġol-knisja”
Martha spjegatilna kif kawża ta’ kundizzjoni rari hija tilfet ħamest itrabi minħabba li twieldu qabel iż-żmien. Minkejja li tlieta minnhom twieldu wara ftit ġimgħat, tnejn minnhom twieldu wara ħames u sitt xhur tqala.
“Ma niflaħx nidfen aktar tfal, kien more than enough, tnejn minnhom jiġifieri l-ewwel wieħed u tal-aħħar kelli nidfinhom b’mod normali, is-sitwazzjoni hija ta’ wġieħ kbir pero sfortunatament in-nies jagħmluhielek agħar. In-nies, il-knisja, jagħmluhielek agħar ħafna”
Fl-ewwel wild tagħha, il-kappillan tar-raħal fejn tgħix il-familja rrifjuta li jmur jitlob fuq il-katavru tat-tifel qabel id-difna tiegħu.
Kien hawn fejn il-familja sabet ruħha f’sitwazzjoni fejn kellha tħallas persuna bil-moħbi tal-istess kappillan sabiex jiftaħ il-kappella taċ-ċimiterju biex qabel id-difna, issir talba fuq il-ġisem tat-tifel tagħhom.
“Kelli nħallas bil-moħbi tal-kappillan biex jiftħuli l-kappella kemm biss intqalet talba waħda. Meta ġejt għall-aħħar baby ma ridtx li nerġa’ ngħaddi mill-istess ħaġa u għamilt telefonata l-kurja”
F’din it-telefonata Martha qalet li l-iktar ħaġa li weġġgħetha kien meta s-saċerdot weġibha li t-tarbija tagħha lanqas biss kienet għadha twieldet wara li staqsiha kemm kellha żmien.
B’ton ta’ niket, Martha spjegatilna kif il-Knisja baqgħet ma aċċettatx lit-tfal tagħha għax ma laħqux tgħammdu qabel mietu u saħqet li hija l-Knisja li qed tittratta l-embrijuni bħala oġġetti u mhux il-familji li qed jagħmlu minn kollox sabiex isiru ġenituri.
Martha sostniet li llum l-uniku tama tagħha u ta’ żewġha li jsiru ġenituri hija permezz tas-surrogacy għax anki jekk tagħmel it-trattament tal-IVF ġisimha ma jippermettix li t-tqala twassal sat-tmiem.
“Dan bniedem, dan kellu qalb, kellu moħħ, kien jiċċaqlaq, kont inħossu jiċċaqlaq, kien ħaj. Għaliex mhux aċettabbli? Imbagħad qed ngħidu ħafna embrijun huwa ċelloli jekk qed nagħmlu ħafna issues għax huwa ħajja l-embrijun mela t-tifl tiegħi x’kien? Għaliex ma aċċettatux il-Knisja? mela meta niġu fil-prattika ma humiex qed jipprattikaw dak li qed jippriedkaw”