Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li tkun ħasra jekk il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tispiċċa titmexxa mill-populisti tat-taxxa li qed jimbottaw għall-armonizzazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni u li ma għandhom l-ebda problema jużaw il-politika tal-kompetizzjoni biex jiksbu dan l-għan.
Dr Sant indirizza l-Parlament Ewropew bħala ‘Rapporteur’ tal-S&D dwar ir-Rapport Annwali tal-Politika tal-Kompetizzjoni. Huwa qal li dan l-atteġġjament, li apparentement miexi ’l quddiem, jista’ jkun qed iservi biex jaħbi realta` oħra: fi żmien meta l-ekonomiji Ewropej reġgħu sejrin tajjeb, il-klassi tal-ħaddiema u dik tan-nofs u kif ukoll il-pensjonanti mhux qed ikunu ikkompensati għas-sagrifiċċji li kellhom iwettqu fis-snin tal-awsterita`. Dawn mhux se jikkonslaw billi jintqalilhom li fl-interess tal-kompetizzjoni, it-tassazzjoni fi ħdan l-Unjoni għandha tkun armonizzata.
Dr Sant qal li l-politika tal-kompetizzjoni qed tingħata aktar importanza fil-profil tal-UE.
“Wieħed jispera li dan mhux qed iseħħ għal raġunijiet żbaljati.” qal l-Ewroparlamentari Malti.
Dr Sant qal li fil-prinċipju, il-politika tal-kompetizzjoni għandha l-għan li tiżgura li r-regoli tas-suq ħieles japplikaw għall-benefiċċju tal-konsumaturi fi ħdan l-Ewropa kollha. Fil-prattika, minħabba li storikament ir-rwol tal-gvernijiet nazzjonali kien element kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku Ewropew, l-enfasi spiss kienet – u għadha – aktar dwar kwistjonijiet relatati ma’ għajnuna tal-Istat milli fuq kwistjonijiet li joħorġu minn strateġiji kompetittivi tal-kumpaniji.
“F’dan kollu, sar diffiċli l-evitar ta’ politika li tlibbes l-istess żarbun lil kulħadd, li ma tiddiskriminax bejn in-nord u s-sud, il-gżejjer u bliet metropolitani, dawk fil-periferija u dawk ċentrali.”
Dr Sant qal li l-ipprivatizzar ta’ infrastruttura importanti, bħal dik fit-trasport u issa anki fis-saħħa pubblika, ġew preżentati bħala investimenti ekonomikament mixtieqa mil-lenti tal-kompetittivita`. L-impatt soċjali, u kif ukoll xi wħud ekonomiċi, ma ngħatawx biżżejjed attenzjoni.
“Issa l-enfażi miexja lejn kunsiderazzjonijiet tal-għajnuna tal-istat dwar politika ta’ tassazzjoni. Politika ta’ dan it-tip għadha taqa’ taħt is-sovranita` tal-istati membri iżda l-politika tal-kompetizzjoni qiegħda tintuża biex tissorveljaha u tikkoreġiha. Wieħed jieħu l-impressjoni li r-regoli u l-metodi li bihom qed iseħħ dan kollu qed jinħolqu bla pjan, kull każ għalih.”
Dr Sant qal li l-flessibilita` fit-tassazzjoni fi ħdan l-istati membri taħt il-kondizzjoni ta’ trasparenza sħiħa, għandha tkun ikkonsidrata bħala parti integra tal-kompetizzjoni u hija meħtieġa għal prosperita` tal-istati membri ż-żgħar fis-suq ħieles.
Ir-rapport kien approvat b’445 vot favur, 104 vot kontra u 38 astensjoni.