Is-sezzjoni tal-infurzar tal-Wild Birds Regulation Unit, flimkien mal-pulizija wettqu 5,924spezzjoni madwar Malta (4,405) u Għawdex (1,519) matul l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħab’xejn anqas minn 80 uffiċjal jagħmlu xogħol ta’ sorveljanza bl-għan illi filwaqt li jservu ta’ deterrent, josservaw li l-liġijiet u r-regolamenti jiġu osservati. Il-pulizija wettqu wkoll 667spezzjoni fit-toroq bl-għan illi jiġu vverifikati obbligi legali tal-liċenzja speċjali u regolamenti oħra relatati mal-ġarr tal-armi. Ġew spezzjonati ukoll 692 kaċċatur (514 Malta u 178 Għawdex).
Matul l-istaġun li għalaq is-Sibt 21 ta’ April, il-Pulizija u d-WBRU wettqu ħames night patrols(4 Malta u 1-Għawdex) flimkien maż-żewġ għaqdiet non-governattivi CABS u BirdLife Malta. Matul dawn l-ispezzjonijiet, ġew lokalizzati seba’ bird callers li fuqhom bħalissa għaddejja investigazzjoni mill-pulizija sabiex jiġi identifikat is-sid tagħhom. Waqt li kienu qegħdin isiru dawn l-ispezzjonijiet, tneħħew ukoll numru ta’ decoys tal-gamiem peress li dawn mhumiex permessibbli f’dan iż-żmien.
Bħala parti minn din il-ħidma mwettqa mid-WBRU u l-pulizija, numru ta’ persuni tressqu jew se jitressqu il-qorti fil-ġranet li ġejjin wara li dawn allegatament instabu li kienu qegħdin jiksru numru ta’ regolamenti u liġijiet.
Id-WBRU tinnota li filwaqt li f’dan l-istaġun fil-maġġoranza tal-ħinijiet il-liġijiet u r-regolamenti ġew osservati, tikkundanna każijiet fejn xi individwi naqsu milli jipprattikaw id-delizju f’konformità ma’ dawn il-liġijiet. Id-WBRU tenniet li l-ispezzjonijiet ser ikomplu tul il-ġranet li ġejjin għalkemm issa l-istagun huwa magħluq u l-ebda kaċċa mhi permessa f’dawn il-ġranet.