L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tgħid li mhux etiku u huwa kontra l-prinċipji mediċi tajbin li wieħed iċaħħad is-servizzi tal-IVF lill-persuni infertili. L-istess dikjarazzjoni tad-WHO tgħid ukoll li t-trattamenti kollha li jinstabu li huma siguri u effettivi għandhom ikunu disponibbli lill-kull persuna infertili.
Ir-rapport jgħid li l-infertilità hija patoloġija kumplessa tal-bniedem u tirrikjedi diversi investigazzjonijiet u trattamenti mediċi. Hawnekk kompla jispjega li l-IVF huwa l-aktar trattament effettiv għall-infertilità li ma jistax jiġi sostitwit bl-ebda tip ta’ trattament ieħor. Huwa stmat li madwar id-dinja s’issa twieldu aktar minn sitt miljun tarbija permezz ta’ din il-proċedura.
Intant, l-Awtorità tal-Feritilità Ewropea li tirrapreżenta għoxrin pajjiż Ewropew qed tagħti is-sosten kollu tagħha lill-Gvern Malti għall-emendi li se jressaq dwar il-liġi tal-IVF.
Fi stqarrija, din l-Awtorità qalet, li permezz ta’ din il-liġi, Malta se tkompli tersaq aktar viċin tar-regolamenti stabbiliti mis-Soċjetà Ewropea għar-Riproduzzjoni Umana u l-Embrijoġija.
Huma qalu wkoll li b’dawn l-emendi, it-trattament tal-IVF f’pajjiżna se jsir aktar effiċjenti u sigur. Dan se jseħħ permezz ta’ proċedura li hija medikament ppruvata li żżid ir-rati ta’ suċċess tal-IVF u tnaqqas il-kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu kemm lill-mara kif ukoll lit-trabi.
Huma temmew l-istqarrija tagħhom billi saħqu li t-trattament tal-infertilità għandu jkun regolat biss permezz tal-istudji xjentifiċi tal-mediċina u determinat mis-saħħa ta dawk li jirrekjedu dan is-servizz u mhux mill-politika, reliġjon u l-opinjonijiet personali.